Kif jista’ jkun li fl-Ewkaristija hemm Ġesù ħaj?
(Is-Seba' kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")
Hija diffiċli ħafna li nifhem kif dak li jidher bħala ftit ħobż huwa Ġesù ħaj. Inħoss li ftit li xejn nista’ nirraġuna dwar dan u li quddiem xi ħaġa bħal din ma tiġinix daqstant faċli u naturali li nemmen. Kif norbot dak li tgħallimt dwar Ġesù li għex bħala bniedem ma’ Ġesù fl-Ewkaristija? Forsi nies ta’ ċertu età jitkellmu b’passjoni dwar l-Ewkaristija u jgħidu li hija konċentrazzjoni ta’ mħabba kbira. X’impatt għandha l-Ewkaristija fuq il-ħajja tiegħi?
Darba, għalliema tal-iskola staqsiet lil tifel ċkejken: “Id-dinja tagħna taħseb li hi tonda jew kwadra?” “Tonda”, weġibha t-tifel. “Imma inti ċert?”, kompliet tistaqsih l-għalliema biex tippruvah, “Int xi darba rajtha mill-bogħod?” “Le, imma d-daddy hekk qalli”, kien pront weġibha t-tifel, “u la qalli hekk id-daddy, mela hekk hu, għax id-daddy ma jidħaqx bija!”
L-innoċenza ta’ dan it-tifel ċkejken turi l-fiduċja kbira li kellu f’missieru. Għax kien jaf li missieru jħobbu, kien ċert li se jgħidlu l-verità u mhux se jidħaq bih, u għalhekk kien lest li jemmen dak kollu li jgħidlu missieru, anke jekk ma jifhmux.
Jekk nirriflettu ftit, ikollna nammettu li l-parti l-kbira ta’ ħajjitna hi mibnija fuq il-fiduċja tagħna fl-oħrajn. Sa minn meta konna żgħar konna nafdaw lill-ġenituri tagħna. Imbagħad bdejna nafdaw lill-għalliema tagħna, lill-katekisti, lill-ħbieb. Aktar ’il quddiem bdejna nafdaw lil sħabna tal-università, lill-kollegi tax-xogħol, lis-sieħeb jew is-sieħba ta’ ħajjitna, eċċ. Fil-ħajja bilfors irridu noqogħdu ħafna drabi fuq dak li jgħidilna ħaddieħor, inkella ma ngħixux, għax aħna m’għandniex esperjenza diretta ta’ kollox u ma jistax ikollna prova matematika u xjentifika ta’ kollox. Jekk jien, pereżempju, immur għand tabib, ma nistax ma nafdax fil-mediċina li jagħtini.
IŻDA FUQIEX TINBENA DIN IL-FIDUĊJA?
Bħall-każ ta’ dak it-tifel ċkejken, tinbena fuq iċ-ċertezza morali li dawk il-persuni li jien nafda fihom iħobbuni. U għalhekk, għax naf li jħobbuni u jriduli l-ġid, jien nafdahom u nemminhom b’għajnejja magħluqa. Tant hu hekk li meta persuna ma nkunx nafha biżżejjed jew ikolli xi dubju fiha, insibha diffiċli nafdaha. Din hi wkoll ir-raġuni għaliex meta mbagħad xi ħadd li nkun afdajt fih jittradini, inweġġa’ ħafna, għax ma nkunx nistennieha minnu, għax ikunmingħalija li jħobbni iżda niskopri li ma kienx hekk.
Dan kollu jgħodd ukoll għall-fidi tagħna fl-Ewkaristija. L-esperjenza tal-fidi tinbena kollha kemm hi fuq il-fiduċja tagħna fil-persuna ta’ Ġesù. Aħna nemmnu dak kollu li hu qalilna mhux għax nifhmuh dejjem jew għax faċli naċċettawh, imma għax nafu li hu jħobbna u jridilna l-ġid, u għalhekk qatt ma hu se jidħaq bina. Ħafna drabi nsibuha diffiċli nemmnu f’dak li jgħidilna Ġesù għax inkunu għadna ma nafuhx, jew ma nafuhx biżżejjed. Inkunu għadna ma skoprejniex min hu tabilħaqq u kemm iħobbna. Inkunu għadna m’għamilniex esperjenza vera tiegħu fil-ħajja tagħna. Għax, ngħiduha kif inhi, jekk aħna nemmnu li hu tabilħaqq dak Alla li jħobbna bimħabba infinita, kif nistgħu ma nafdawhx? Naslu li nafdaw lill-bnedmin, u mbagħad ma nafdawx lil Alla?... L-esperjenza turina li xi drabi sfortunatament in-nies tad-dinja, anke dawk l-aktar qrib tagħna, jistgħu jweġġgħuna u jittradixxu l-fiduċja tagħna. Imma Alla le! Alla dan ma jagħmlu qatt, u ma jistax jagħmlu, għax fin-natura tiegħu stess huwa Mħabba. Alla ma jistax jidħaq bina, ma jistax jittradina, għax hu l-istess Verità.
Mela l-fidi tagħna fl-Ewkaristija hi kollha kemm hi mibnija fuq il-fiduċja tagħna f’Ġesù. Ħadd minna ma jista’ jkollu ċertezza xjentifika dwar il-preżenza reali tiegħu fl-Ewkaristija, imma dan nemmnuh fuq il-kelma tiegħu. Ġesù qalilna “Dan hu Ġismi... dan hu Demmi...”, u l-kliem tiegħu kien ċar. Ma qalilniex: dan hu “xbieha” tiegħi jew sempliċi “tifkira” tiegħi, fis-sens ta’ xi ħaġa li tfakkarna fih, bħalma fil-ħajja tagħna ritratt jista’ jfakkarna f’persuna għażiża, imma qalilna: dan “hu” Ġismi, dan “hu” Demmi. Il-kliem ta’ Ġesù huwa ċar u ma jħalli lok għall-ebda dubju jew interpretazzjoni. Jew taċċettah kif inhu jew ma taċċettah xejn.

NIDĦLU AKTAR FIL-FOND... NAGĦRFU FIEX AĦNA MSEJĦIN NEMMNU
Il-kelmiet ta’ Ġesù li għadna kemm semmejna jeħduna fl-aħħar ikla li huwa għamel mad-dixxipli tiegħu fil-lejl ta’ qabel bata u miet għalina. Kien waqt dik l-ikla, meta “x-xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota li jittradih” (Ġw 13:2), li Ġesù “ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal: ‘Ħudu, kulu, dan hu ġismi.’ Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal: ‘Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.’...” (Mt 26:26-28)
X’ried jifhem Ġesù b’dawk il-kelmiet? Dak li ried jifhem, jgħidulna hu stess f’diskors ieħor li għamel fis-Sinagoga ta’ Kafarnahum. Dan insibuh fil-vanġelu ta’ San Ġwann, kapitlu 6. Fl-ewwel parti ta’ dan id-diskors (Ġw 6:25-51a) Ġesù jitkellem dwaru nnifsu bħala “l-ħobż li niżel mis-sema” biex “jagħti l-ħajja lid-dinja”, u l-iskop tiegħu kien li jwassal lil-Lhud biex jemmnu fih: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.” (Ġw 6:28). Iżda r-reazzjoni tal-Lhud kienet waħda negattiva: “Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’ U bdew jgħidu: “Dan huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?” (Ġw 6:41-42). Madanakollu Ġesù jerġa’ jsostni: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” (Ġw 6:51a)
ĠESÙ JAFFAĊĊJA R-REŻISTENZI
Ovvjament meta qed jitkellem minnu nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja, Ġesù għandu f’moħħu l-Ewkaristija. Iżda dan il-Lhud kienu għadhom ma jistgħux jifhmuh. Għalhekk fit-tieni parti tad-diskors (Ġw 6:51b-59) Ġesù jkun aktar espliċitu u jgħidilhom ċar u tond li l-“ħobż tal-ħajja” li qed jitkellem minnu huwa proprju Ġismu: “Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja!” (Ġw 6:51b)
Imma l-fatt li issa Ġesù kien daqshekk ċar, joħloq aktar reżistenza minn dawk li qed jisimgħuh, u saħansitra jwassal għal diviżjoni bejniethom: “Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: ‘Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?’” (Ġw 6:52) Madanakollu Ġesù ma jnaqqas xejn miċ-ċarezza u l-qawwa ta’ kliemu, anzi jerġa’ jtenni b’aktar qawwa: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi hu tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.” (v.53-55)
Ir-reazzjoni negattiva tal-Lhud, u l-fatt li fl-aħħar saħansitra “ħafna mid-dixxipli tiegħu... telquh u ma baqgħux imorru warajh” (Ġw 6:60 u 66), diġà hija prova ċara ta’ kemm dan il-kliem fehmuh sewwa u fehmuh b’mod realistiku. Huma fehmu li meta Ġesù jgħidilhom biex jieklu Ġismu u jixorbu Demmu ma kienx qed jitkellem b’mod metaforiku. Kieku tkellem b’mod metaforiku ma kienx ikun diffiċli jaċċettawh! Did-darba kien differenti minn meta, pereżempju, qal: “Jiena d-dielja vera...” (Ġw 15:1) jew “Jiena l-bieb tan-nagħaġ...” (Ġw 10:7)
Fil-fatt, hija importanti l-enfasi li Ġesù jagħmel xħin jgħid: “Għax ġismi hu tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.” (Ġw 6:55). Dan ifisser li fid-diskors tiegħu Ġesù jagħmel qabża ta’ kwalità: fl-ewwel parti jinsisti fuq il-fidi fih u issa qed jgħidilna li din il-fidi trid tidher b’mod konkret fis-sehem tagħna fl-Ewkaristija. Dawn it-tnejn imorru flimkien u m’hemmx waħda mingħajr l-oħra.
XHIEDA TA' RELAZZJONI INTIMA
Tant hi kbira r-relazzjoni bejn Kristu u dawk li jieħdu sehem fl-Ewkaristija, li Ġesù jxebbahha mar-relazzjoni intima tiegħu mal-Missier: “Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” (Ġw 6:57)
Iżda forsi aħna wkoll bħal-Lhud jiġina li nistaqsu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” (Ġw 6:52). Għedna li Ġesù kien qed jitkellem b’mod realistiku meta qalilhom jieklu Ġismu u jixorbu Demmu. Imma dan possibbli? Fi kliem ieħor, kif nistgħu aħna nieklu u nixorbu l-Ġisem u d-Demm tiegħu b’mod reali?
It-tweġiba jagħtihielna Ġesù nnifsu fit-tmiem tad-diskors tiegħu, xħin jintebaħ li qegħdin igergru u jgħidilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-Bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.” (Ġw 6:61-63)
Il-fatt li huwa “l-Ispirtu li jagħti l-ħajja” u li “l-ġisem ma jiswa għal xejn” jgħinna nifhmu li l-kmand ta’ Ġesù biex nieklu Ġismu u nixorbu Demmu ma rridux nifhmuh f’sens materjali. Fi kliem ieħor, Ġesù mhux qed jirreferi għall-Ġisem materjali tiegħu kif kien meta kien għadu fid-dinja, imma għall-Ġisem igglorifikat tiegħu wara l-qawmien. L-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm tal-“bniedem tas-sema” (1Kor 15:48), jiġifieri ta’ Ġesù rxuxtat u mtella’ s-sema, ta’ Ġesù gglorifikat permezz tal-Ispirtu Qaddis. Għalhekk hu l-Ispirtu s-Santu li jagħmel lil Ġesù rxoxt preżenti fostna fl-Ewkaristija u jagħmilha possibbli għalina li nieklu u nixorbu l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Fil-fatt “hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja” (Ġw 6:63). Dan ma jnaqqas xejn mir-realiżmu tal-kliem ta’ Ġesù, anzi jagħmlu proprju possibbli. F’dan is-sens huwa veru li aħna nieklu u nixorbu l-Ġisem u d-Demm tiegħu, imma Ġismu u Demmu gglorifikati. Huwa dan li l-Lhud ma rnexxilhomx jifhmu!

L-APPOSTLI FEMUH SEWWA LIL ĠESÙ
Fuq dan kollu tinbena l-fidi tagħna fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. L-Appostli u l-ewwel insara mill-ewwel fehmu x’ried jgħid Ġesù bil-kelmiet tal-Konsagrazzjoni waqt l-aħħar ċena. U fehmu wkoll x’ried jgħidilhom meta qalilhom: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Huma fehmu, fil-fatt, li mhux biss kellhom ikomplu jagħmlu dak li għamel Ġesù fl-aħħar ċena imma wkoll li kull meta kienu se jlissnu l-kelmiet ta’ Ġesù fuq il-ħobż u l-inbid, kien ser jerġa’ jseħħ f’idejhom stess il-miraklu tal-aħħar ċena, jiġifieri li dak il-ħobż u dak l-inbid kienu ser jerġgħu jinbidlu kull darba fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fihom. Għalhekk sa mill-bidunett, kif jixhdu l-ittri ta’ San Pawl u l-ktieb tal-Atti tal-Appostli, l-Insara għożżew l-Ewkaristija bħala s-sagrament tal-preżenza reali ta’ Ġesù. Huma raw fih b’mod speċjali t-twettiq tal-wegħda li kien għamlilhom Ġesù qabel tela’ s-sema: “Ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28:20b)
Matul iż-żmien il-Knisja mhux biss baqgħet tiċċelebra dan il-misteru kbir bl-akbar għożża u mħabba, imma wkoll, immexxija mill-Ispirtu Qaddis, kompliet tiżviluppa u tfiehem b’mod li seta’ aktar jinftiehem min-nies il-fidi tagħha fil-preżenza reali. Ħafna nies kbar u qaddisin, bħalma kien San Tumas t’Akwinu, daħlu fil-fond ta’ dan il-misteru kbir tal-fidi u ħallewlna tagħlim mill-isbaħ dwar l-Ewkaristija.
Huma fissru l-kelmiet ta’ Ġesù li rriflettejna fuqhom u waslu għall-konklużjoni ċara li waqt il-kelmiet tal-konsagrazzjoni fuq l-artal isseħħ bidla kbira: il-ħobż u l-inbid jinbidlu realment fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. U jitkellmu minn bidla sustanzjali, jiġifieri bidla li tolqot in-natura stess tal-ħobż u tal-inbid, b’tali mod li dawn ma jibqgħux aktar ħobż u nbid imma jsiru verament u realment il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Dak li jibqa’ mill-ħobż u l-inbid huma biss id-dehra ta’ barra, il-kulur, it-togħma, il-qies jew il-volum tagħhom, imma s-sustanza tagħhom, jiġifieri dak li jagħmilhom tassew ħobż u nbid, tkun inbidlet. Dan ifisser li wara l-kelmiet tal-konsagrazzjoni fuq l-artal m’hemmx aktar ħobż u nbid imma biss il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej taħt ix-“xbieha” ta’ ħobż u nbid.
IVA, JQANQAL FINA SENS KBIR TA' STAGĦĠIB!
Bidla bħal din, anzi miraklu kbir bħal dan, Alla biss jista’ jwettqu. Forsi nistagħġbu b’dan. Imma dak li kien kapaċi joħloq kollox mix-xejn, mhux kapaċi jibdel xi ħaġa li diġà teżisti f’xi ħaġa ġdida?...Mhux stagħġib quddiem il-mod ta’ kif Alla jwettqu, għax Alla jista’ kollox, imma quddiem il-fatt stess li Alla jwettqu, jiġifieri quddiem il-fatt li Alla tagħna tant iħobbna li kapaċi jiċċekken daqshekk u jagħmel lilu nnifsu ikel għalina biex isir ħaġa waħda magħna. Dan is-sens ta’ stagħġib kien jimla l-qalb ta’ ħafna qaddisin, fosthom San Franġisk t’Assisi, li kien jitgħaxxaq jimmedita dan il-misteru kbir ta’ mħabba u jgħid: “Araw, kuljum jumilja ruħu, bħal meta mit-tron irjali ġie fil-ġuf tal-Verġni. Kuljum hu jiġi għandna f’dehra umli. Kuljum jinżel minn ħdan il-Missier fuq l-altar f’idejn is-sacerdot.” (Twissijiet, 16-18) U jistagħġeb: “O x’għoli tal-għaġeb u x’għaġeb ta’ ċokon! O x’umiltà kbira! O x’kobor umli! Li s-Sid tal-ħolqien kollu, Alla u l-Iben ta' Alla, iċekken lilu nnifsu daqshekk biex għas-salvazzjoni tagħna jaħbi lilu nnifsu taħt xbieha ta’ farka ħobż!” (Ittra lill-Ordni kollu, 27)
Il-Fqajjar t’Assisi jistedinna nemmnu fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija u jagħtina l-eżempju tal-Appostli li wkoll kellhom bżonn il-fidi biex jemmnu meta rawh fis-sura ta’ bniedem bħalhom: “Kif wera lilu nnifsu lill-Appostli mqaddsa f’ġisem veru, hekk issa juri ruħu lilna fil-ħobż imqaddes. U kif huma raw biss il-ġisem tiegħu bl-għajnejn tal-ġisem, u xorta emmnu li hu kien Alla hekk kif ikkontemplawh bl-għajnejn tal-fidi, ejjew aħna wkoll, waqt li naraw ħobż u nbid bl-għajnejn tal-ġisem, naraw u nemmnu bis-sħiħ li huma l-Ġisem u d-Demm l-aktar qaddisa tiegħu, ħaj u veru.” (Twissijiet, 19-21)
Forsi bħal-Lhud ta’ żmien Ġesù aħna wkoll irridu naraw “sinjali” biex nemmnu (ara Ġw 6:30). Għalkemm Ġesù ma jċedix quddiem provokazzjonijiet bħal dawn, ħafna drabi fil-vanġelu narawh jagħti sinjali biex jgħin il-fidi dgħajfa tad-dixxipli tiegħu. U dan baqa’ jagħmlu ħafna drabi matul l-istorja, anke fejn tidħol l-Ewkaristija. Biżżejjed niftakru fil-ħafna mirakli Ewkaristiċi li seħħew f’diversi pajjiżi matul is-snin, anke fi żmienna. Dwar dan, ta’ min isemmi liż-żagħżugħ Carlo Acutis li uża l-intelliġenza tiegħu u l-kapaċità tiegħu fit-teknoloġija biex jagħmel riċerka dwar dawn il-mirakli u jiġborhom f’esibizzjoni virtwali li għadha aċċessibbli fuq l-internet. Huwa impressjonanti kif dan iż-żagħżugħ, li miet ta’ ħmistax-il sena biss, sa minn ċkunitu wasal biex jagħraf li Ġesù hu realment preżenti fl-Ewkaristija u jibni miegħu relazzjoni ta’ ħbiberija mill-aktar intima. Carlo kien tabilħaqq innamrat mal-Ewkaristija! Għalih ma kienx hemm dubju li fl-Ewkaristija hemm Ġesù ħaj.
U hawn inħoss li Carlo Acutis jgħallimna xi ħaġa oħra importanti fejn tidħol il-fidi tagħna fl-Ewkaristija. Huwa jgħallimna li l-fidi mhijiex sempliċiment li jien naċċetta b’għajnejja magħluqa dan il-misteru kbir li ma nistax nifhmu, imma hija relazzjoni personali ma’ Ġesù ħaj li jinsab f’dan is-sagrament u li naf li jħobbni. M’hemmx fidi vera mingħajr imħabba. M’hemmx fidi fl-Ewkaristija mingħajr relazzjoni ta’ ħbiberija intima mal-persuna ta’ Ġesù!
Dan ifakkarna wkoll f’dak li jgħid Pietru lil Ġesù wara d-diskors Ewkaristiku li rriflettejna fuqu, xħin saħansitra “ħafna mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh” għax qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. U Ġesù jgħid lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”, imma Pietru jwieġbu: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla.” (Ġw 6:66-69). Jolqtuna ż-żewġ verbi li juża’ hawnhekk Pietru u l-ordni li biha jgħidhom: “aħna emminna u għarafna” li int il-Qaddis ta’ Alla. Mela l-ewwel “emminna”, imbagħad “għarafna”; jew aħjar: emminna u għalhekk għarafna! Huwa biss meta nemmnu li aħna jirnexxilna nifhmu, u mhux bil-maqlub!

L-GĦAŻLA LI NEMMNU HI F'IDEJNA
Pietru u sħabu emmnu mingħajr ma fittxew sinjali. Hekk għamlu wkoll il-qaddisin u ħafna nies oħra li ġew qabilna. Dan ifisser li biex wieħed jemmen mhux bilfors irid jara xi miraklu. Fl-aħħar mill-aħħar, għal min irid jemmen ebda prova ma hi meħtieġa, u għal min ma jridx jemmen ebda prova ma hi biżżejjed.
Għaldaqstant l-isfida tal-fidi fl-Ewkaristija tibqa’ waħda vera u reali għal kull wieħed u waħda minna, bħalma kienet għal-Lhud u għad-dixxipli tal-vanġelu. Ġesù jibqa’ jagħtina lilu nnifsu fl-Ewkaristija bħala l-akbar don ta’ mħabbtu. It-tweġiba tagħna għal dan id-don, bħal dik tad-dixxipli, ma tistax tkun ħlief il-fidi mibnija fuq l-imħabba u l-fiduċja tagħna fih. Il-fidi, għalhekk, tibqa’ dejjem għażla personali li kull wieħed minna jrid jagħmel b’konsapevolezza, b’rieda ħielsa u b’responsabbiltà.