“LIL RUMA QATT MA RAJTHA HEKK!”

28 August 2025 | Written by Dun Mark Bonello u xi żgħażagħ li attendew il-Ġublew

Ma kinitx l-ewwel darba li mort Ruma, imma lil Ruma qatt ma rajtha hekk! Attendejt għal żewġ World Youth Days oħra, jiġifieri stajt nimmaġina x’ser ikun hawn, imma xorta bqajt mistagħġeb bix-xeni li rajt – żgħażagħ minn kull nazzjon, ferħanin, ikantaw u jinġabru għall-mumenti ta’ talb fis-skiet. Minn Għawdex konna grupp min-Nadur (NTYC), mix-Xewkija (XPTY) u minn Taċ-Ċawla.

Peress li kont qed immexxi wieħed mill-gruppi tal-Għawdxin li tlajna Ruma, ftit stajt inkun preżenti spiritwalment għax trid dejjem taħseb fuq minn fejn l-aħjar nimxu, nieklu, fejn ser nistrieħu, liem trasport ħa naqbdu u elf sfida oħra. Iżda l-akbar sodisfazzjon kien xħin rajt il-ferħ f’għajnejn iż-żgħażagħ tagħna meta raw il-Papa, jew wara li talbu u rriflettew. 

Għaddew ġranet u l-ferħ li ħalla fina dan il-pellegrinaġġ ma kienx bħal kwalunkwe safra oħra. Infatti nemmen li l-frott tal-Ġublew għadna rridu naqtgħuh.

Jalla esperjenzi bħal dawn jibqgħu jagħtu t-tama mhux biss liż-żgħażagħ, iżda wkoll lilna l-adulti li nkunu magħhom, sabiex ma naqtgħux qalbna u nibqgħu naħdmu minn qalbna għalihom.

Aqraw uħud mill-esperjenzi taż-żgħażagħ li pparteċipaw:

 

Elena Vella - NTYC

It-Tlieta, 29 ta' Lulju, kelli I-privileġġ li nżur żewġ postijiet ta’ sinjifikat kbir. L-ewwel waqfa kienet għall-Bieb Imqaddes tal-Ġublew tal-Lateran. Sakemm dħalna, inġbarna lkoll inkantaw u nifirħu ma' diversi nies. Il-mument li għaddejna mill-Bieb Imqaddes kien wieħed ta' riflessjoni u ringrazzjament. Ġewwa rajna l-katedra tal-Papa u skulturi sbieħ li qegħdin madwar il-Bażilika. Imbagħad matul il-ġurnata ltqajna ma' żgħażagħ minn diversi pajjiżi; kien mument ta' għaqda fejn, minkejja d-differenzi tagħna, konna kollha magħqudin taħt il-bandiera tal-fidi Nisranija. Aktar tard morna fil-Vatikan iżda minħabba folol kbar, ħadna ħin twil sabiex nidħlu fil-pjazza, iżda dak il-ħin ta' stennija ma kienx għalxejn. Meta dħalna u bdejna niċċelebraw I-Ewkaristija flimkien, ħassejtni parti minn komunità universali, fejn in-nies talbu, kantaw u qasmu l-imħabba tagħhom lejn Alla. F'dak il-mument qalbi kienet mimlija ferħ u ħassejt il-fidi tiegħi tikber u tissaħħaħ b'mod li qatt ma kont nistenna. Konna wkoll fortunati li rajna lill-Papa Ljun mill-qrib; kien mument speċjali ħafna.

 

 

Ilaria Debono - NTYC

Wara mixja twila lejn Tor Vergata, l-ewwel esperjenza hemmhekk kienet il-velja tas-Sibt filgħaxija, immexxija mill-Papa Ljun XIV. Fl-ewwel parti tal-velja, tliet żgħażagħ staqsew tliet mistoqsijiet lill-Papa dwar il-ħbiberija, il-kuraġġ u s-sejħa għall-għażla t-tajba. Għal kull mistoqsija, il-Papa ta r-risposta tiegħu, kliem li jimliek bit-tama u s-sostenn fil-mixja tal-fidi tiegħek. Frażi li laqtitni mid-diskors tal-Papa kienet: “Ġesù huwa l-ħabib li dejjem jimxi magħna fil-formazzjoni tal-kuxjenza tagħna”. Din verament nisslet qawwa fija biex infittex lil Ġesù bħala ħabib tiegħi. Il-velja kompliet bl-espożizzjoni ta’ Ġesù sagramentat, u ġew imressqa talbiet b’lingwi differenti quddiemU. Din il-lejla qanqlet fija emozzjonijiet diversi. Il-kor u l-orkestra li akkumpanjaw din is-serata komplew iżidu sens ta’ paċi u trankwillità fil-qalb ta’ kull min kien preżenti u fl-istess waqt għenu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod aktar sħiħ. Il-velja tal-Ġublew tat-Tama kienet mezz kif verament madwar miljun żagħżugħ u żagħżugħa minn kull pajjiż inġabru għall-istess skop - tistagħġeb kif ir-reliġjon għad għandha s-setgħa li tgħaqqad tant żgħażagħ flimkien!

 

Francesca Muscat - NTYC

Il-Ħadd qomna ġo medda ta’ art magħrufa bħala t-Tor Vergata ma’ nies minn madwar id-dinja kollha. Wara lejl ta’ taqlib fl-isleeping bag u xita li qajmitna f’nofs ta’ lejl kulħadd qam eċitat biex jerġa’ jara l-Papa Ljun XIV. Is-soltu l-Papa kien jasal ġo ħelikopter abjad għalhekk kulħadd kien għassa għalih. Malli rajna li l-Papa kien ġej in-naħa tagħna ġrejna ġirja għat-triq ħalli nkunu min tal-ewwel biex narawh.

Għalkemm kulħadd kien ġej minn pajjiż differenti, kollha kemm aħna kellna skop wieħed f’moħħna...Ġesù. Flimkien mal-Papa tlabna l-ikbar talba, li hi l-quddiesa. Il-biċċa l-kbira bit-Taljan kienet iżda t-talb tal-komunità sar b’lingwi differenti bħal Spanjol, Franċiż, Ingliż, Ġermaniż, Korean u Portugiż. Affaxxinajt ruħi bl-organizzazzjoni li kien hemm biex kulħadd kellu ċ-ċans jitqarben anki jekk konna fuq miljun persuna. Xħin rajt lil kulħadd jitlob wara t-tqarbin, indunajt kemm Alla hu veru kbir biex wasal madwar id-dinja kollha, saħansitra anki f’pajjiżi li qatt ma kont smajt bihom qabel! Kelli x-xorti ngħix din l-opportunità unika flimkien ma’ sħabi fejn tgħallimt iktar fuq ir-reliġjon, l-importanza tat-talb, il-quddiesa u r-relazzjoni tiegħi m’Alla.

 

Kieran Borg - NTYC

L-esperjenza tagħna bħala grupp waqt il-Ġublew kienet waħda li mhu se ninsa qatt.

Flimkien sirna nafu aħjar lil xulxin u lil Alla. Flimkien esperjenzajna ħafna mumenti sbieħ bħala grupp, fejn bdejna bil-quddiesa tal-ftuħ tal-Ġublew u spiċċajna b’jumejn ġewwa Tor Vergata. Hemm kellna mumenti sbieħ li fihom stajna nieqfu u nirriflettu fuq il-pellegrinaġġ li konna qed nagħmlu.

Bħala grupp, konna nieħdu ħsieb u norganizzaw mumenti ta’ riflessjoni u talb bejnietna kemm filgħodu qabel nibdew il-ġurnata u kemm filgħaxija, biex b’hekk stajna nagħtu aktar sens lil dak li konna qed ngħixu. Tul din l-esperjenza, bħala grupp tgħallimna ħafna dwar Alla, dwar il-ħajjiet tal-qaddisin billi żorna postijiet storiċi, kif ukoll dwar il-kulturi ta’ pajjiżi differenti permezz taż-żgħażagħ li ltqajna magħhom. Ovvjament, kien hemm ukoll mumenti ta’ sfida, speċjalment meta konna mexjin lejn Tor Vergata għal ħafna ħin fix-xemx.

Fr Mark, l-animaturi u l-helpers kienu wkoll fundamentali biex ngħixu din l-esperjenza, għax kienu jieħdu ħsiebna u jiċċajtaw magħna, filwaqt li kienu qed jagħmlu dak kollu li setgħu biex aħna nitgħallmu minn din l-esperjenza.

 

 

Giada Farrugia (Żgħażagħ Ċentru Ragħaj it-Tajjeb)

Il-Ġublew taż-Żgħażagħ f’Ruma kien kontinwazzjoni qawwija tal-vjaġġ spiritwali li bdejt fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona fl-2023. F’Lisbona, taħt il-Papa Franġisku, għext ċelebrazzjoni ħajja ta’ fidi, unità u ferħ, imdawra minn kulturi differenti kollha jgħannu u jitolbu b'għan wieħed. Dik l-esperjenza fetħitli qalbi għall-Knisja universali. Sentejn wara, f’Ruma, il-Ġublew approfonda dak il-mument, b’pellegrinaġġ aktar riflessiv. Tor Vergata kien wieħed mill-aktar punti qawwija: meta rajt mewġa ta’ żgħażagħ kollha miġbura, ħassejt ferħ kbir, bħal donnu ħsibt, “Hawn hu l-Ġenna fuq l-art.” Meta għaddejt mill-Bieb Imqaddes u qgħadt fi Pjazza San Pietru, erġajt ħassejtni mdawra mill-istess fraternità universali li kont esperjenzajt f’Lisbona. Li rajt żewġ Papiet differenti f’dawn l-okkażjonijiet ifakkarni li l-missjoni tal-Knisja hi akbar minn persuna waħda; tradizzjoni ħajja li tgħaddi minn ragħajja li jinbidlu, iżda dejjem tibqa’ żżomm fiċ-ċentru tagħha l-imħabba ta’ Kristu.

 

Gabriel Xerri - XPTY

Kelli x-xorti nattendi għall-Ġublew taż-Żgħażagħ flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ oħra. Din hi esperjenza sabiħa li qatt mhu se ninsa! Il-ħbieb tiegħi kienu miegħi u flimkien ħassejna sens qawwi ta’ komunità u ferħ. Kellna ċ-ċans niltaqgħu ma’ żgħażagħ minn postijiet differenti, naqsmu stejjer u nitolbu flimkien. Il-mumenti tat-talb, il-kant u ċ-ċelebrazzjoni tawna ħeġġa ġdida fil-fidi tagħna. Kien żmien ta’ riflessjoni u tama, fejn ħassejna tassew il-preżenza ta’ Alla fostna. L-għaqda li ħloqna matul il-jiem baqgħet magħna u dan l-avveniment saħħaħ ir-relazzjonijiet tagħna u l-impenn tagħna lejn il-valuri nsara. Kien tassew mument li għaqqadna bħala familja waħda ta’ fidi.

 

Miguel Azzopardi - XPTY

F’dawn il-ġranet li konna Ruma kellna x-xorti ngħaddu minn żewġ bibien tal-Ġublew. Il-Ġimgħa, mal-wasla tagħna Ruma mxejna lejn il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore. Laqatni l-fatt li alavolja kien hemm ħafna sħana xorta kien hemm atmosfera ta’ ferħ, mimlija kant u talb lil Alla. Xħin wasal il-ħin tagħna biex nidħlu mill-Bieb tal-Ġublew, jien bqajt mistagħġeb bid-dettalji kollha tal-bieb. Ġewwa l-Bażilika aħna tlabna quddiem il-qabar ta’ Papa Franġisku u qgħadna nammiraw il-bosta mużajk li hemm ġewwa. Qabel ma morna Ruma konna rajna ritratti tal-Papa Franġisku jiftaħ il-bieb ta’ San Pietru u għalhekk xtaqna nagħmlu l-esperjenza li ngħaddu minnu. It-Tnejn, fl-aħħar ġurnata tagħna Ruma, kellna l-possibilità li ngħaddu minn dan il-bieb. Dakinhar imxejna u tlabna flimkien mal-pellegrini l-oħra lejn il-Vatikan, bħala simbolu tal-passaġġ ta’ salvazzjoni. Barra minn hekk, ġewwa l-Bażilika rajna mbagħad fost l-oħrajn il-qabar ta’ San Pietru.

 

Maya Bajada  - XPTY

ll-Velja tat-talb u l-Quddiesa mal-Papa Ljun XIV f’Tor Vergata kienu mument spiritwali li laqat il-qlub ta’ eluf ta’ żgħażagħ, fosthom il-grupp tagħna. Il-Velja kienet mimlija talb profond, kant u adorazzjoni Ewkaristika, li taw spazju għas-silenzju u r-riflessjoni. Il-Quddiesa tal-Ħadd kienet il-qofol tal-laqgħa, fejn il-Papa ħeġġeġ lilna ż-żgħażagħ biex ngħixu b’mod radikali l-Vanġelu u nfittxu l-qdusija. Aħna ż-żgħażagħ ħassejna li ġejna milquta mill-paċi li ħassejna waqt l-adorazzjoni u mill-kliem ċar tal-Papa: “Tħallu lil ħadd isir jafkom inqas minn dak li Alla jara fikom”. Dan messna fil-fond u ħeġġiġna għal ħajja ta’ fidi aktar impenjata.

 

Dorothy Spiteri  - XPTY

Il-Quddiesa li għamel il-Papa ftit jiem ilu f’Tor Vergata għall-Ġublew taż-Żgħażagħ kienet esperjenza li qatt ma ninsieha. Kien hemm eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja u l-atmosfera kienet waħda mimlija enerġija, ferħ u spiritwalità. Għalkemm kienet ġurnata twila ta’ ħafna għeja, l-entużjażmu ma naqas qatt. Dan jgħodd ukoll għall-Velja li għamel il-Papa lejlet, fejn il-Papa Ljun XIV esprima l-viżjoni tiegħu dwar il-Ġenerazzjoni Z bħala messaġġiera tat-tama u t-tiġdid madwar id-dinja. Hu ħeġġiġna biex inħaddnu l-qdusija u l-missjoni fil-ħajja ta’ kuljum. L-aktar ħaġa li laqtitni kienet kemm kien hemm żgħażagħ li verament jemmnu f’Alla. Kulħadd kien qed jipparteċipa bil-qalb u b’ġenwinità. Din l-esperjenza kienet mument li tani kuraġġ u ispirazzjoni biex inkompli nikber fil-fidi tiegħi. Inħossni tassew ixxurtjata li kont parti minn din iċ-ċelebrazzjoni.

 

Share to