Tliet Xhur Wara
Kien eżatt bħal-lum tliet xhur ilu, il-Ħamis 8 ta’ Mejju 2025. Il-Kardinal Dominique Mamberti xiref fil-gallarija ċentrali tal-faċċata tal-Bażilka ta’ San Pietru u hemm tenna l-kelmiet bil-Latin “Habemus papam” li bil-Malti jfissru li “għandna papa”. Jien kont waqt laqgħa mal-katekisti tal-parroċċa. Konna qed nippjanaw l-ewwel qrara tat-tfal tal-parroċċa fejn qed inservi hawn f’Ruma. Kellna Youtube għaddej bix-xandira diretta minn Pjazza San Pietru. Kulħadd iffissa ħarstu fuq l-iscreen. Dawk is-sekondi ta’ pawsa li ħa l-Kardinal Mamberti kienu jinħassu eternità. “Prevost” ... Bdejna nħarsu lejn xulxin biex naraw jekk xi ħadd jafx għal min qed jirreferi. Kien hemm erba’ ismijiet li kulħadd kien qed isemmi però dan ma kienx wieħed minnhom. F’tellieqa min ser jiftaħ Google l-ewwel bdejna nippruvaw niskopru min hu dan il-papa l-ġdid. Imbagħad tħabbar l-isem li għażel. “Iljun XIV”. Sorpriża akbar mill-oħra. Qatt ma tkun taf x’qed tistenna f’mumenti bħal dawn, però donnu timmaġina kemm timmaġina, qatt ma stennejna xi ħaġa hekk.
Peress li l-parroċċa tiegħi tinsab ftit ’il bogħod miċ-ċentru, ma kienx ser jirnexxili nasal fil-ħin fil-pjazza però bdejna naraw fuq Youtube li n-nies kienu qed jimlew il-pjazza malajr. Fuq il-midja soċjali bdew telgħin filmati ta’ nies ta’ kull età li telqu f’ġirja waħda minn kull direzzjoni ta’ Ruma ħalli jassistu għall-ewwel mument ta’ Papa Ljun XIV fi Pjazza San Pietru.

“Il-paċi magħkom!” Dawn kienu l-ewwel kelmiet li tenna Papa Ljun XIV hekk kif ħareġ fil-gallarija biex jagħti l-ewwel messaġġ tiegħu bħala papa. B’wiċċ mimli emozzjonijiet ikkomunika mad-dinja dak li verament kien qed iħoss ġewwa fih. Id-dinja dan ratu. Rat bniedem umli, bniedem ta’ ftit kliem, bniedem ta’ fidi, bniedem li jaf jaqra r-realtà. Dawn l-ewwel żewġ kelmiet li tenna juru biċ-ċar li Papa Ljun XIV qed iħoss il-polz tad-dinja li għandu quddiemu, dinja mifnija mill-gwerer u mxennqa għall-paċi vera. Matul l-interventi tiegħu qiegħed kontinwament ikompli jappella għall-paċi u jfakkarna li l-vera tama tagħna hija l-imħabba ta’ Kristu li tirbaħ fuq kull ostaklu.
Għadhom għaddew biss tliet xhur. Papa Ljun beda l-mandat tiegħu f’nofs ġublew. Għadna rridu naraw x’ser ikunu l-aspetti l-aktar importanti matul il-pontifikat tiegħu. Però l-għażla tal-isem tiegħu bħala “Ljun XIV” tindikalna ftit minn fejn jixtieq jitlaq. Kif stqarr hu stess meta tkellem quddiem il-kardinali, ispirat minn Papa Ljun XIII, “illum il-ġurnata, il-Knisja toffri lil kulħadd it-teżor tat-tagħlim soċjali tagħha bħala tweġiba għal rivoluzzjoni industrijali oħra u għall-iżviluppi fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali li jpoġġu sfidi ġodda għad-difiża tad-dinjità umana, tal-ġustizzja u tax-xogħol”.

Matul il-Ġublew taż-Żgħażagħ, li seħħ il-ġimgħa l-oħra, stajna naraw u mmissu b’idejna l-imħabba u r-rispett li għandha l-Knisja żagħżugħa għal dan il-Papa minkejja l-fatt li għadu qed jibda dan il-mandat tiegħu. Tibqa’ tidwi f’widnejja l-għajta ta’ eluf ta’ żgħażagħ li f’sintonija kienu jibdew jgħajtu u jtennu “¡Esta es la juventud del Papa!” li tfisser “Dawn huma ż-żgħażagħ tal-Papa!”. Matul il-velja u l-quddiesa f’Tor Vergata l-Papa kellu ċ-ċans jindirizza direttament liż-żgħażagħ. Inħoss li hemm kompla kkonferma lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-kristjani li jixtieq jibqa’ jisma’ l-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom u li jara li l-Knisja tkun ta’ bastun u ta’ għajnuna għaż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom. L-esperjenzi preċedenti li għex Papa Ljun qabel sar Papa, speċjalment bħala missjunarju fil-Perù, bħala Pirjol Ġenerali tal-Patrijiet Agostinjani, u bħala Prefett tad-Dikasteru tal-Isqfijiethuma kollha ta’ għajnuna għalih f’din il-missjoni importanti.
Fil-velja f’Tor Vergata l-Papa wieġeb għal tliet mistoqsijiet li għamlulu tliet żgħażagħ. Fit-tweġibiet tiegħu l-Papa tkellem b’lingwaġġ li jinftiehem mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fehem it-toqol u l-preokkupazzjonijiet li qasmu miegħu dawn iż-żgħażagħ. Il-Papa tkellem dwar id-diffikultajiet li qed naffaċċjaw fis-soċjetajiet tagħna llum biex nibnu relazzjonijiet veri, dwar il-biża’ u l-qtigħ il-qalb li jżommuna lura milli nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi li jagħtu sens lil ħajjitna, u dwar id-diffikultà li jippreżenta l-istorbju kontinwu li fih qed ngħixu li ma jħalliniex nagħtu widen għas-sejħat li jagħmlilna Alla.
Xi ħaġa li laqtet il-qlub ta’ diversi żgħażagħ hija l-mod sabiħ kif Papa Ljun XIV jirnexxilu jwassal messaġġ attwali li mhux biss huwa msejjes fuq il-Bxara t-Tajba imma li fih tidwi wkoll l-istorja u t-tradizzjoni tal-Knisja. Kontinwament isostni l-messaġġi u l-ħsibijiet tiegħu permezz ta’ riferimenti għal messaġġi tas-suċċessuri riċenti tiegħu, fosthom Franġisku, Benedittu XVI u San Ġwanni Pawlu II, inkella ta’ awturi oħra importanti li kellha l-Knisja, ewlieni fosthom Santu Wistin li fuq it-tagħlim tiegħu hija mwaqqfa l-Ordni tal-Agostinjani li tagħha jagħmel parti Papa Ljun XIV.

Bħala żgħażagħ Insara għandna d-dmir li nakkumpanjaw lill-Papa bit-talb tagħna ħalli jkun jista’ jkompli jwettaq il-missjoni tiegħu. Fl-istess waqt nieħdu l-appell tiegħu li wasslilna waqt il-quddiesa tal-Ġublew taż-Żgħażagħ biex ma nieqfu qatt niġġeddu permezz tar-rigal tal-imħabba. Il-Papa tennielna li “aħna m’aħniex magħmula għal ħajja fejn kollox huwa meħud for granted u statiku ... Huwa għalhekk li kontinwament naspiraw għal xi ħaġa ‘aktar’ li ebda realtà maħluqa ma tista’ tagħtina; nistgħu nħossu għatx profond u jaħraq li ebda xarba f’din id-dinja ma tista’ tissodisfa. Konxji ta’ dan, ejja ma nħallux lil qlubna jiġu ngannati waqt li nippruvaw nissodisfawhom b’imitazzjonijiet irħas! Minflok, ejjew nisimgħuhom! Ħalli nibdlu dan il-għatx f’banketta, bħal tfal li jitilgħu fuq ponot subgħajhom, biex ikunu jistgħu jittawlu mit-tieqa tal-laqgħa ma’ Alla”.