X’TINDAĦAL?

FAQs dwar l-EWTANASJA VOLONTARJA ASSISTITA ... b’differenza!

19 June 2025 | Written by Dun Richard Farrugia, li għandu Dottorat fit-Teoloġija Morali u lecturer is-Seminarju Maġġuri ta' Għawdex

Niddejqu b’min joqgħod jgħidilna x’għandna nagħmlu – aħseb u ara b’ħajjitna! Jekk jien għandi marda terminali u baqagħli ftit xhur ħajja, għalfejn għandu xi ħadd jindaħalli jekk irrid l-ewtanasja assistita? U jekk jien bħalissa m’għandix marda terminali, min jien jien biex ngħid lil ħaddieħor x’għandu jagħmel?

Jindaħluli u nindaħal għax aħna bnedmin, aħwa u l-ħajjiet tagħna marbutin flimkien. Għandna ħafna networks għax hekk magħmula aħna l-bnedmin, connected!

Dan l-indħil mhux nuqqas ta’ rispett lejn il-libertà jew xi tip ta’ impożizzjoni, imma l-interess tagħna għal dak li naraw li hu ta’ ġid għal xulxin. Anke jekk tgħidli li tridni naqa’ u nqum, ma tistax tgħidli ma nkunx bniedem, li nibqa’ għaddej, li nħallik sempliċiment tagħmel dak li tara int li hu l-aħjar għalik.

Dan l-indħil mhux ġudizzju ta’ xi ħadd li jifhem aktar mill-ieħor u jista’ jikkmandah x’jagħmel, imma l-imġiba ta’ min irid ikun qrib. Aħna nafu li ħabib veru kapaċi wkoll jiftaħ għajnejn il-persuna li jħobb, anke jekk il-persuna tista’ ma tifhimx jew tieħu fastidju u titbiegħed. Imma naħseb kulħadd jippreferi ħabib li hu sinċier milli wieħed li ma jgħidlek xejn għax la l-ħaġa ma taffettwahx direttament ma jimpurtahx x’tagħmel. Allura “nindaħlu” jekk xi ħadd isir skjav ta’ vizzju jew jaqbad stil ta’ ħajja li tpoġġih f’periklu. “Nindaħlu” jekk persuna qrib tagħna għaddejja minn żmien ikrah u tibda tilgħab bil-ħajja tagħha. U quddiem persuna b’mard terminali, f’qagħda delikata u xejn ħafifa, “nindaħlu” billi nesprimu illi l-ewtanasja mhijiex għażla jew soluzzjoni għax hemm aktar x’jiswa u x’jista’ jsir milli tagħżel li tagħti l-mewt lilek innifsek.

Jekk trid bati int... imma jien ma rridx inbati

Mhuwiex normali li wieħed jieħu gost ibati u jfittex it-tbatija! Iżda naraw valur fit-tbatija mhux tant għaliha nnifisha imma bħala parti mill-ħajja u bħala esperjenza li għalkemm ma nixtiquhiex mhijiex vojta jew bla sens. Ngħidu no pain no gain meta naħsbu fit-“tbatija” tal-istudju, tat-training, ta’ self-discipline biex nilħqu skop. Hemm anke t-tbatija li tagħmel parti mill-fatt li ġisimna jikber u jiżviluppa... ibda minn meta bħala trabi jibdew telgħin is-snien...

Imma ssaqsini: xi skop għandi li nbati frott marda terminali li fl-aħħar mill-aħħar minnha mhux ser joħroġ il-fejqan imma kollox jindika li sejjer lejn il-mewt? Huwa minnu li din it-tbatija hija nieqsa minn tama li ser niġi ’l quddiem. Imma l-“gain” minn din il-“pain”, għalkemm mhuwiex il-fejqan, huwa dak li nilqa’ din il-kundizzjoni ta’ dgħufija u ta’ toqol bħala parti minn ħajti u bħala mument li jien nista’ ngħixu... ngħixu bħala mument sinifikattiv fejn hemm anke ġid ieħor: dak tar-relazzjoni ta’ mħabba li ssir kura u attenzjoni tal-għeżież mal-marid u anke tal-persuna marida li tħalli lil min iħobbha; dak li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali u relazzjonali tagħha; dak li tilqa’ din l-esperjenza bħala mument ieħor daqstant importanti mill-vjaġġ tal-ħajja.

Tidher li m’intix int li għandek il-marda!

Huwa minnu. Imma naf ukoll persuni li għexu l-marda tagħhom b’mod mill-aktar meaningful. Żgur li l-fidi tgħin biex wieħed isib sens anke fil-mumenti ta’ tbatija bħal dawn. Imma li temmen ma jfissirx li tbati akkost ta’ kollox. Anzi nafu li fid-dawl tal-kelmiet ta’ Ġesù stess: “Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36) u l-parabbola sabiħa tas-Samaritan it-Tajjeb (Lq 10:29-37), il-fidi f’Ġesù ssir impenn biex wieħed itaffi l-uġigħ u l-miżerja. Għalhekk wieħed għandu jtaffi l-uġigħ billi jieħu l-mediċina li tgħinu. Anke jekk xi pain killers jista’ jkollhom side-effect li jqassru l-ħajja, dawn jistgħu jittieħdu... hemm differenza bejn li toqtol l-uġigħ u li toqtol il-muġugħ! Safejn nafu aħna l-mediċina qiegħda hemm biex itaffi t-tbatija u mhux biex tneħħi l-ħajja.

La dan il-mument “terminali” tal-ħajja huwa meaningful, allura jfisser li l-persuna mhix obbligata ttawwal ħajjitha akkost ta’ kollox!  Għandha dritt tirrifjuta trattament mediku straordinarju u ma taċċettax trattament sproporzjonat li jikkaġuna tbatija insopportabbli u li ma joffrix tama. Li tirrispetta l-proċess tal-mewt (dying) li jagħmel parti mill-ħajja tagħna hu differenti milli tikkawża l-mewt...

U ngħid kelma oħra... għad fadal ħafna xi jsir dwar it-terapija tal-uġigħ, il-pain management li jista’ jtaffi ħafna mit-tbatija fiżika tal-persuna. Fuq dan hemm bżonn aktar informazzjoni aċċessibbli għall-pazjent, aktar investiment u awareness. Mhuwiex minnu li l-għażla hi bejn li toqtol lilek innifsek jew tbati b’uġigħ kbir sakemm tmut iddisprat...

Imma jekk xorta se tmut, għalfejn tibqa’ tbati? ... it doesn’t make sense!

Imma jagħmel sens li “ssolvi” l-problema billi toqtol lil min għandu jew iġorr il-problema? Jekk inwessgħu ftit il-ħarsa tagħna minn din tal-marid b’marda terminali li fadallu sitt xhur ħajja, nindunaw aktar kemm donnu l-argument hu wieħed: jew tgħid li l-bniedem jista’ dejjem u f’kull ċirkustanza jkolli d-dritt li joqtol lilu nnifsu jew inkella tgħid li l-bniedem qatt m’għandu jitħalla joqtol lilu nnifsu. Għax ġaladarba nafu li kulħadd irid imut, għalfejn nista’ ntemm ħajti taħt ċerti kundizzjonijiet u mhux oħrajn? Għalfejn irid ikun il-mard terminali u mhux id-diżabilità jew ix-xjuħija li jippermettuli dan id-dritt? U jekk xbajt bil-ħajja, jew ma nsibx skop fiha, għalfejn ma tħallinix intemm ħajti? F’pajjiżi fejn ilha li daħlet l-ewtanasja, bħal pereżempju l-Belġju u l-Olanda, nafu kemm twessgħu l-każijiet li fihom hija permessa l-ewtanasja u dan proprju juri li jew il-ħajja tal-bniedem għandha valur dejjem jew inkella għandha valur li jiddeċidih il-bniedem jew is-soċjetà... mhux ta’ b’xejn liġi tal-ewtanasja tiffavorixxi mentalità li twassal biex il-marid iħossu piż u dak li jkun daħal bħala “dritt” li tneħħi ħajtek jibda jsir “dmir” li tneħħi ħajtek biex ma tibqax ta’ piż.

Dan qed tgħidu biex twerwer u timpressjona, imma hemm is-safeguards u aħna m’aħniex t’hekk!

Dawn fatti u mhux stejjer minfuħin biex iwerwru lill-persuni. U juru li meta nitkellmu minn dinjità tal-bniedem irridu nirrispettawha dejjem: il-bniedem għandu dinjità għax hu bniedem, u d-dinjità la tinbidel jew titnaqqas skont is-sess, ir-razza, it-twemmin jew l-orjentament sesswali, la skont il-ġid li għandu u lanqas skont il-livell ta’ saħħa li għandu. Il-bniedem għandu dinjità dejjem u għalhekk ma jagħmilx sens li ngħid li l-bniedem jista’ jagħti l-mewt lilu nnifsu biex imut b’dinjità. Li jmut b’dinjità jfisser li jsib soċjetà li ma tabbandunahx qisu oġġett żejjed jew “skart”, li tagħti kasu, tieħu ħsiebu, tiddedika riżorsi u ħin għalih. Li bħala soċjetà nserrħu l-kuxjenza li qed inkunu rispettużi meta lill-marid inħalluh itemm ħajtu huma mod kif ma nammettux il-falliment tagħna milli nkunu tassew bnedmin, umani... li nkunu a humane and compassionate society. Għax ngħiduha kif inhi: f’termini ta’ kumdità, effiċjenza, profitt ekonomiku, x’inhu l-eħfef: tħalli lil dak li jkun itemm ħajtu jew li toqgħod maġenbu?

Imma jekk naqbel mal-ewtanasja ma jfissirx li rrid li l-għeżież tiegħi jmutu biex neħles minnhom!

Ma jiena ħadd biex niġġudikak. Imma dan hu l-każ fejn dak li jidher jitfa’ dawl fuq dak li ma jidhirx, u li forsi deep down lanqas aħna ma nkunu konxji biżżejjed tiegħu. Li naqbel mal-ewtanasja jfisser li deep down hemm fija ddur l-idea li l-ħajja għandha biss valur meta tipproduċi, li l-mard għandu jiġi evitat akkost ta’ kollox anke billi jitneħħa l-marid, li l-kura u li nieħdu ħsieb xulxin (u li xi ħadd jieħu ħsiebi) huma ħela ta’ ħin u mhux l-aktar ħaġa sensibbli u bis-sens li nistgħu nagħmlu bħala bnedmin... Hemm bżonn tassew li nirriflettu b’qalb u b’moħħ miftuħ fuq dak li nixtiequ għalina bħala soċjetà u fil-konfront tal-membri li huma morda b’mard terminali.

Mhux faċli li tisma’ l-karba ta’ xi ħadd għażiż, u anke l-karba tiegħu biex imut u tibqa’ hemm fejnha bla ma tista’ tagħmel xejn biex itaffilu l-uġigħ. Imma din il-karba għandna nilqgħuha bħala impenn biex nagħtu kas u nkunu aktar qrib u mhux biex inħallu lill-persuna tagħmel l-ewtanasja. Hemm aktar xi jsir f’dik li hi kura paljattiva għaliex il-prinċipju għandu jkun: to cure if possible, always to care. Bħala pajjiż għad fadal ħafna xi jsir f’dan il-qasam li joffri attenzjoni għall-ħtiġijiet kollha tal-persuna b’marda terminali, mhux biss dawk fiżiċi imma anke dawk spiritwali, relazzjonali eċċ... F’pajjiżna għandna l-ħidma siewja li twettaq il-Hospice Malta, NGO li toffri għajnuna u sapport lil bosta pazjenti u lill-familjari tagħhom. Imma kif qalet l-Medical Association of Malta, bħala pajjiż u servizz ta’ saħħa pubblika għad fadal ħafna xi jsir fuq il-kura paljattiva qabel naqbdu nipproponu l-ewtanasja assistita. Fi kliemha, we urge the Government to prioritise palliative care as a national health emergency before opening the door to assisted dying. The system, as it stands, is not ethically, clinically, or operationally equipped for such a step. Let us first ensure that no one chooses to die because we failed to help them live with dignity.

Insomma nieqfu hawn… faċli nitkellmu kif qed nagħmlu aħna…

Aktar milli kliem dan jitlob azzjoni li nkunu qrib il-persuna marida. Tajjeb nistaqsu kemm insibu ħin biex inżuru lill-persuni morda, u anke lill-anzjani u l-għeżież tagħna li jgħixu waħidhom. Żgur li jekk nemmnu fil-ħajja allura jeħtieġ li nimpenjaw ruħna biex insibu ħin x’niddedikaw biex ma nħallux lill-persuna marida waħidha. Dan id-diskors jappella għal kull bniedem, irrispettivament jemminx jew le: aħna lkoll proxxmu u għandna qalb li jekk nisimgħu t-taħbita tagħha tgħidilna biex nuru għożża u nieħdu ħsieb ta’ xulxin.

Jekk inti temmen, allura l-fidi f’Ġesù ssaħħek aktar biex tħobb u tmur iżżur lill-marid. Tħeġġek tagħmel l-għażla li tagħmel Marija li quddiem l-Imsallab tibqa’ wieqfa, qrib, issostni lil Binha. Hekk ukoll aħna rridu nibqgħu qrib, preżenti, insostnu lil xulxin, speċjalment lill-persuna li għandha marda terminali. Aktar milli bil-kliem, irridu nuruha bil-fatti li ninsabu qrib tagħha, u għalina dan mhux ħela ta’ ħin imma okkażjoni biex tassew nuru li aħna bnedmin. Forsi jekk immorru sal-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u għand il-familji ta’ persuni b’mard terminali, nistgħu nitgħallmu ħafna u niskopru kemm hemm aktar xi jsir u kemm l-aħħar kelma żgur mhijiex l-ewtanasja volontarja assistita.

Share to