Id-dinja kif jista’ jkun inħalqet f’sebat ijiem?

16 May 2025 | Written by Dun Noel Debono (mill-ktieb "Nemmen, imma..." ta' Dun Franklin Micallef)
(L-ewwel kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")

 

Il-ħolqien skont il-Bibbja huwa ferm differenti mill-bidu tad-dinja kif spjegat mix-xjenza. Kif nistgħu nispjegaw din id-differenza? Il-Knisja hija kontra x-xjenza? X’għandi nfittex eżattament fil-Bibbja? Alla kif qiegħed ikellimni llum permezz tal-Iskrittura? U jien kif nista’ nisma’ aħjar?

“Imma l-ġrajja ta’ Adam u Eva vera?” “Veru li d-dinja nħalqet f’sebat ijiem?” Dawn huma mistoqsijiet li nisimgħuhom ta’ spiss għax il-ħolqien skont il-Bibbja huwa differenti minn kif spjegat illum mix-xjenza.

Imma skont x’nifhmu b’‘vera’! Hu ċar li r-rakkont tal-ħolqien għandu forma ivvintata, imma fl-istess waqt juri veritajiet kbar dwar Alla, il-bniedem, il-ħolqien, id-dnub...  Fost oħrajn: hu Alla li ħalaq kollox u kollox hu tajjeb ħafna; huwa Hu s-sid u mhux ħafna allat kapriċċjużi li jagħmlu li jridu bil-ħolqien u l-bniedem; fil-quċċata tal-ħolqien, hemm il-bniedem, li għandu l-irwol li jmexxi u jħares il-ħolqien f’isem Alla; il-bniedem kapaċi jissuspetta ħażin f’Alla u jibda jaġixxi skont kif ifettillu hu, u dan iwassal għat-taħwid, il-firda u t-tbatija.

Il-Bibbja mhix, u lanqas tippretendi li tkun xi textbook tax-xjenza jew tal-ġeografija. L-iskop tagħha huwa ieħor. Imma dan ma jnaqqas xejn mill-veritajiet kbar u importanti għall-bniedem li hi twassal. Huwa dan li jiġi żviluppat fil-bqija tar-rakkont, għalkemm ix-xjenza wkoll tagħraf li l-ħolqien kellu bidu, u li l-ordni u l-liġijiet tan-natura donnu jitolbu l-eżistenza ta’ raġuni tassew superjuri.

Il-ġrajja tal-ħolqien hi rakkont imsejjaħ ‘tal-bidu’, mhux biss għax juri l-oriġini tal-affarijiet, imma aktar minn hekk għax irid juri r-realtà tal-affarijiet u għala jiġru kif jiġru. Min hu l-bniedem? Minn fejn ġej il-ħolqien? Xi skop għandha l-ħajja? Min hu Alla? Ta’ min jafdah? Għaliex id-differenza bejn ir-raġel u l-mara? Għaliex il-mewt? Għaliex il-ġlied u l-vjolenza, saħansitra bejn tal-familja? Għaliex it-toqol tax-xogħol? Il-poplu Lhudi jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet frott dak li jiskopri fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. U dak li ra bħala l-aktar importanti u li jgħodd għal kulħadd u f’kull żmien, ġabru fi storja tal-bidu.

Dak li nsibu fir-rakkont tal-ħolqien hu tassew uniku meta mqabbel mal-ideat li kellhom in-nies tal-kulturi tal-madwar. Għalihom id-dinja kienet mimlija allat, fi ġlied kontinwu bejniethom u ta’ theddida għall-bniedem. L-istess ħolqien, bħax-xemx u qamar kienu meqjusa divinitajiet u n-natura tal-bniedem kienet ikkunsidrata bħala fundamentalment ħażina għax ir-riżultat tal-ġlied bejn dawn il-forzi divini, jew tal-kapriċċi tagħhom. Imma r-rakkont tal-ħolqien fil-Bibbja jaqleb dawn l-ideat ta’ taħt fuq: hemm Alla wieħed biss li ħalaq kollox, frott ir-rieda ħielsa tiegħu, u dan il-ħolqien hu tajjeb u sabiħ; il-bniedem hu maħluq biex ikun fi ħbiberija miegħU u mhux biex joqgħod attent minnu; il-ħolqien mhux xi divinità li trid tadura, imma għotja lill-bniedem, li jista’ jaħdimha u jistudjaha.

ŻEWĠ RAKKONTI TAL-ĦOLQIEN!

Ir-rakkont stess, minnu nnifsu, jurik li m’għandekx taqrah b’mod litterali, tant li fl-ewwel kapitli tal-Ġenesi niltaqgħu ma’ żewġ rakkonti tal-ħolqien. L-ewwel rakkont tal-ħolqien insibuh f’Ġen 1:1-2:4a mentri t-tieni rakkont f’Ġen 2:4b-3:24.

Fl-ewwel rakkont mibni fuq sebat ijiem, il-ħolqien tad-dinja jsib il-qofol tiegħu fil-ħolqien tal-bniedem tant li għalih biss jingħad “kien tajjeb ħafna”. Il-bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla u jiġi afdat b’missjoni: li jnissel joktor, jimla l-art u jaħkimha (Ġen 1:27-28). Mhux ta’ b’xejn li f’Salm 8 naqraw: “Ftit inqas mill-allat għamiltu, bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ idejk!” (Salm 8:6-7).

Fit-tieni rakkont l-immaġni hi ftit differenti għax il-bniedem jiġi maħluq l-ewwel, mit-trab tal-art (Ġen 2:7). U huwa wara li mbagħad jiġu maħluqa l-affarijiet l-oħra speċifikament għalih. Għalhekk, fl-ewwel rakkont il-bniedem jiġi maħluq l-aħħar, fil-quċċata tal-ħolqien, u fit-tieni l-ewwel wieħed daqslikieku Alla lilu l-aktar li ried u mbagħad, kollox jiġi maħluq għalih. Għalhekk iż-żewġ rakkonti, minkejja li differenti joffru immaġni għolja ħafna tal-bniedem u jiddeskrivuh bħala xi ħadd li għandu rabta partikulari ma’ Alla; fl-ewwel rakkont permezz tax-xbieha, u fit-tieni rakkont permezz tan-nifs ta’ Alla li jagħtih il-ħajja (Ġen 2:7).

L-EWWEL RAKKONT

Alla joħloq permezz tal-kelma tiegħu, għaxra b’kollox. Din il-kelma tirbaħ id-dlam u l-kaos u tagħmel dinja ordinata fejn kollox għandu postu; dinja f’armonija u mimlija ħajja. Dan iseħħ billi qabelxejn Alla jagħti limitu lid-dlam u lill-ilmijiet, żewġ simboli tal-mewt. Huma ma jiġux meqruda, imma jinsabu taħt il-qawwa ta’ KelmtU. U din il-qawwa tibqa’ tidher tul il-jiem l-oħra tal-ħolqien. Kull filgħaxija Alla jieqaf, jieħu qisu ftit distanza, iħares u japprezza dak li sar: “kien tajjeb, kien sabiħ”. Ripetutament, il-ħolqien u l-bniedem huma meqjusa tajba. U fl-istess waqt, hu u joħloq, Alla qiegħed ‘jagħti permess’ li xi ħaġa ’lbarra minnu teżisti, anzi jixtieqha.

Il-ħolqien iseħħ billi għal għaxar darbiet, “Alla qal...”. Aktar ’il quddiem, fl-istorja tal-Bibbja ser niltaqgħu ma’ għaxar kelmiet oħra, l-Għaxar Kmandamenti. Jidher li l-awturi sagri riedu jorbtu dawn iż-żewġ ġrajjiet flimkien. Bħalma l-ewwel għaxar kelmiet ta’ Alla jġibu l-ordni, jagħtu l-ħajja, u joħolqu s-sabiħ, hekk ukoll l-Għaxar Kmandamenti huma t-triq biex il-bniedem isib il-milja tal-ħajja, tal-ferħ u tal-ħelsien. Dak kollu li Alla jgħid, jgħidu għall-ġid.

Il-ħolqien iseħħ f’sebat ijiem, numru ieħor, bħan-numru għaxra, li juri perfezzjoni u totalità, u jintemm permezz tal-mistrieħ fis-seba’ jum. Għalhekk Alla hu Alla ħallieq li jista’ kollox imma fis-seba’ jum jieqaf mill-ħolqien, għax ftit qabel, kien afdah f’idejn il-bniedem (1:29). L-immaġni hi dik ta’ Alla qawwi u setgħan li fl-istess waqt jagħti spazju, libertà u fiduċja lill-bniedem biex hu wkoll ‘joħloq’ u ‘jmexxi’. Hija xena li tqiegħed lill-bniedem f’pożizzjoni ta’ ħafna responsabilità quddiem il-ħolqien u t-tmexxija tiegħu. Imma f’din il-missjoni kbira, hu għandu l-eżempju ta’ Alla li jħalli spazju u jagħti limitu lilu nnifsu. F’kelma oħra, Alla li jaħkem lill-istess qawwa tiegħu.

’Il quddiem fl-Iskrittura, xi ħaġa simili nsibuha marbuta mar-rigal tal-art li Alla jagħti lill-poplu tiegħu Iżrael. Jeħtieġ li l-poplu jiftakar li darba kien barrani u skjav u din l-art mogħtija lilu hi don. Għalhekk għandu jgħix b’ċertu stil, billi jaqsam il-ġid tiegħu ma’ dawk li m’għandhomx u jagħti l-mistrieħ saħansitra lill-annimali. Anke l-art stess, darba kull seba’ snin jeħtieġ li ma tinħadimx (Lev 25:2-6), u darba kull ħamsin sena, fis-sena tal-ġublew, l-art terġa’ tiġi mqassma bejn kulħadd biex jiġi evitat il-monopolju tal-ftit (Lev 25:8-43). F’kelma oħra, ħadd ma għandu jikkapparra għalih biss, xi ħaġa li ngħatat b’don lil kulħadd.

IT-TIENI RAKKONT

L-enfasi tat-tieni rakkont tal-ħolqien hu fuq Alla li jagħmel kollox biex il-bniedem ikun ferħan: jagħtih il-ħajja, ġnien, l-annimali u anke l-kumpanija ta’ xulxin – ir-raġel u l-mara. Hu l-bniedem l-interess prinċipali tiegħU, tant li matul ir-rakkont Alla qatt ma jitkellem fuqu nnifsu imma dejjem fuq il-bniedem u l-ferħ tiegħu. Infatti l-istorja kollha tal-Iskrittura ser turi l-interess kontinwu ta’ Alla fil-poplu tiegħu: Alla setgħan li jeħles lil poplu lsir; Alla gwerrier li jiddefendi lil Iżrael mill-għedewwa li jridu jeqirduh; Alla mħallef li jipprova jġib il-ġustizzja fi ħdan il-poplu tiegħu; Alla sultan li jiggwida lill-poplu permezz tas-slaten; Alla ragħaj li jmexxi, iħares u jirgħa l-merħla tiegħu; Alla missier li jeduka lil uliedu, jew omm li tħobb bi mħabba materna; Alla raġel miżżewweġ li jħobb b’mod sħiħ lil martu. Alla huwa tassew mogħti għall-bniedem.

Inizjalment, ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-art hi waħda sabiħa ħafna. Jissejjaħ ’adam, għax ġej mill-’adamâ, mill-art, u hu mistieden jaħdem din l-art u jħarisha (Ġen 2:5.7.15). L-istess jista’ jingħad għar-relazzjoni mal-annimali (Ġen 2:18-20) u mal-bnedmin. Infatti huma jsiru “ġisem wieħed” u minkejja li għerja, “ma kinux jistħu minn xulxin” (Ġen 2:23-25). Iżda fl-aħħar tar-rakkont dan kollu jinqaleb ta’ taħt fuq: l-art tiġi ‘misħuta’ minħabba l-bniedem u hu jrid jitħabat biex jiekol minnha (Ġen 3:17-19); ir-relazzjoni mal-annimali tispiċċa bil-bniedem li jrid jisħaq ras is-serp li min-naħa tiegħu jdur għal għarqubu; u r-relazzjoni ma’ Eva tispiċċa f’akkużi, ħakma fuq l-ieħor u solitudni.

Ir-rakkont jagħti raġuni għala jseħħ dan kollu; il-bniedem jieħu u jiekol (Ġen 3:5), irid jaħkem kollox għalih. Dan jista’ jidher ġest innoċenti, imma fil-verità jikxef xewqa li l-bniedem ikollu kollox għalih. Minkejja li kien ingħatalu kollox, xorta kellu biża’ li m’għandux biżżejjed, xorta ried ikun aktar. U dan iwassal għall-qerda. Din hi l-esperjenza tal-bniedem li l-Bibbja tirrakkonta, esperjenza li tingħax kontinwament. Imma fl-istess waqt, tirrakkontaha biex tħeġġeġ għal triq oħra: it-triq tal-fiduċja f’Alla bħala Missier; it-triq tal-għarfien li aħna wlied il-Missier u aħwa ta’ xulxin u għalhekk nistgħu ngħixu ħielsa mit-tentazzjoni li naħkmu u nieħdu kollox f’idejna, kemm għax għandna Missier li jħobbna u li jieħu ħsiebna, u kemm għax nagħrfu li aħna aħwa li nistgħu nieħdu ħsieb xulxin.

Il-bniedem għalhekk iħalli l-biża’ jaħkmu; dak il-biża’ li jitlef xi ħaġa, dak il-biża’ li ma jkollux kollox taħt idejh hu. Mill-banda l-oħra, il-kliem u l-ħajja ta’ Ġesù huma eżattament bil-kontra... “Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” (Lq 9:24-25). Ġesù kien lest li jitlef ħajtu, imma għax ċert mill-imħabba tal-Missier, għax ċert li jista’ jintelaq f’idejh, u għax għaraf li hi l-imħabba li tagħti u tkabbar il-ħajja u mhux il-ħakma.

Dan kollu kien jiddependi mir-rispett ta’ regola li Alla jagħti lill-bniedem. Infatti jekk hu jiekol “mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin” iduq il-mewt (Ġen 2:17). Fi kliem ieħor, il-bniedem hu mistieden jirrispetta ċertu limitu. Dan però jiġi interpretat mis-serp b’mod malizzjuż. Huwa jitħalla mill-bniedem jagħti l-viżjoni tiegħu tal-affarijiet u b’malizzja jmexxi l-ħsieb tiegħu. Infatti huwa hu li jgħid li Alla jrid iżomm għalih l-għerf tat-tajjeb u l-ħażin, biex il-bniedem ma jkunx bħalu, biex il-bniedem jibqa’ inferjuri għalih. Huwa hu li jinsinwa li bejn Alla u l-bniedem hemm konkorrenza, li Alla jrid iżomm b’mod esklussiv is-superjorità u l-privileġġi tiegħu u jrid iżomm lill-bniedem ’il bogħod minnu.

Is-serp iqiegħed l-attenzjoni biss fuq il-projbizzjoni u jagħmel dan b’mod giddieb, meta jgħid lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġen 3:1). Imma fil-verità, Alla kien qalilhom jieklu mis-siġar kollha, barra minn waħda, dik tat-tajjeb u l-ħażin. Mela Alla jagħti s-siġar kollha, imma jagħmel limitu, mentri s-serp jibda mil-limitu bit-tir li jġagħlek tinsa d-don. Is-serp għalhekk qed jissuġġerixxi li l-limitu li Alla poġġa, hu limitu għad-dannu tal-bniedem, flok għall-ġid tiegħu, u li l-bniedem għandu jħares lejn dan biss u b’mod suspettuż. Imma jistax ikun li dan il-limitu huwa don ieħor ta’ Alla, bħad-doni l-oħrajn kollha?

L-awtur jgħin lil kull qarrej jitfa’ ħarstu fuq ħsibijietu, għax minn hemm jitlaq kollox. Hi esperjenza komuni tal-bniedem li jiffissa fuq ħaġa waħda biss u jinsa l-bqija; li jħares lejn dak li jidher negattiv u mhux lejn il-ħafna doni; li jara lil Alla bħala għadu u lis-serp bħala sieħeb tiegħu. Ir-rakkont għalhekk irid jikxef dawn it-toroq għarrieqa u fl-istess waqt iħeġġeġ għal triq differenti, dik tal-fiduċja f’Alla. Sejħa kontinwa tal-bniedem hija dik li jsaffi l-immaġni giddieba ta’ Alla li xi kultant titwieled f’qalbu. L-istorja kollha tal-Bibbja tista’ titqies bħala mixja sħiħa ta’ tisfija ta’ din l-immaġni li tilħaq il-qofol tagħha f’Ġesù. Jidher li kulħadd – għalhekk insibu dan fil-bidu – qiegħed f’riskju li jaqleb l-affarijiet ta’ taħt fuq u dawk li huma l-kwalitajiet tas-serp, jagħtihom lil Alla!

Il-waqgħa tal-bniedem fl-ewwel kapitli tal-Ġenesi nsejħulha dnub oriġinali jew tan-nisel għax fih jinġabar dak l-aġir kollu tal-bniedem li jagħmlu anqas bniedem, kif ukoll għax juri l-mekkaniżmu u l-għerq tiegħu; għalhekk id-dnub u kif jaħdem. Niftakru li l-awturi bibliċi qiegħdu fil-bidu dak li jgħodd għalkulħadd, f’kull żmien. Jissejjaħ ukoll tan-nisel, għax jinsisti fuq il-fatt li d-dnub tiegħi jħalli effett fuq l-oħrajn, kif l-esperjenza komuni tixhed. Fl-istess waqt però, daqstant ieħor tħalli effett fuq il-bniedem l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk l-awtur juri dak li qed ifixkel il-ħajja, il-libertà u l-ferħ tal-bniedem, biex hu joqgħod attent, u fl-istess waqt joffri t-triq tat-tama li sseħħ frott relazzjoni sabiħa ma’ Alla.

Donnu l-bniedem ma jogħġbuhx il-limiti. Fl-istess waqt għar-rakkont tal-ħolqien dan hu fundamentali għall-ġid tal-persuna. Il-ħajja stess turi dan kontinwament. Persuna li m’għandhiex limiti jew boundaries iġġib ħafna ħsara u wġigħ madwarha, frott oppressjoni, abbuż, vjolenza u manipulazzjoni. Meta l-bniedem jirraġuna biss skont l-aptit tiegħu, jgħix ħajja diżordinata u faċilment jirfes u jgħaffeġ fuq l-oħrajn. Meta bniedem ma jrid qatt jisma’ ‘le’, l-oħrajn isiru biss oġġett tal-aptiti tiegħu, inkella għedewwa tiegħu għax iwaqqfuh. Meta l-bniedem jirraġuna li għax hu possibbli li jagħmel xi ħaġa, din jista’ jagħmilha, allura jispiċċa bil-liġi tal-ġungla, bil-qerda tad-dinjità tiegħu u tal-ambjent. Għalhekk tassew li l-limitu li Alla jagħti huwa don u lezzjoni għall-ħajja.

Imbagħad, ħafna aktar ’il quddiem se niltaqgħu ma’ Ġesù li jħaddan il-limitu u jarah bħal don u mhux bħala tfixkil. L-għażliet tiegħu, pereżempju fir-rakkont tat-tentazzjonijiet (Mt 4:1-11; Lq 4:1-13) se jkunu kollha fuq din il-linja: ma jaħtafx il-ġebel u jbiddlu f’ħobż, imma jirrispetta l-limiti tal-ħajja u jgħix permezz tar-relazzjoni sabiħa mal-Missier “għax il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”; ma jaqbiżx minn fuq it-tempju għal isfel biex jagħmel xow u kulħadd jemmen fih, kważi bilfors, imma jħalli lill-persuni fil-libertà u fl-istess waqt jirrispetta l-pjanijiet tal-Missier, il-modi u ż-żminijiet tiegħu; ma jiħux is-saltniet kollha tad-dinja f’idejh u ma jaqax għan-nasba li jaħtaf u jkollu lil kulħadd taħtu, imma jagħżel li jaqdi aktar milli jinqeda, għax dan hu l-istil tiegħu.

Barra minn hekk, il-bniedem beda jħares lejn il-ħolqien mhux bħala don imma bħala dritt. U meta jiġri dan, il-bniedem jibda jaħtaf u jiekol. U meta wieħed jibda jara anke lill-oħrajn bħala dritt u mhux bħala don, jibda jieħu u jiekol anke lilhom. Imma meta wieħed jagħraf li kollox ingħatalu b’don, imbagħad hu stess jista’ jqassam dak li rċieva u jgħix bi gratitudni.

ABEL U KAJJIN

Fir-rakkont inkomplu niltaqgħu mal-effetti tad-dnub, jew ma’ dnubiet oriġinali oħrajn. Ir-rakkont ta’ Abel u Kajjin hu rakkont differenti li jikxef l-istess mekkaniżmi u fl-istess waqt iżid miegħu. Ir-rakkont (Ġen 4:1-16) jibda bi frażi sinifikattiva, meta Eva tgħid: “għamilt bniedem mal-Mulej” jew “ksibt bniedem mal-Mulej” (Ġen 4:1). Hi qed tqis lil binha daqs alla, u fl-istess waqt tarah bħala proprjetà tagħha; kisbitu. Imbagħad jitwieled Abel, it-tieni wild, li ismu jfisser, duħħan, aktarx kemm b’referenza għal dak li ser jiġri aktar ’il quddiem fl-istorja, imma wkoll għax fil-kulturi ta’ dak iż-żmien, it-tieni tifel m’għandux daqshekk importanza. Wieħed hu ragħaj u l-ieħor bidwi u għalhekk flimkien donnhom qed iwettqu l-proġett ta’ Alla għad-dinja. Id-differenza ta’ bejniethom tista’ tkun ta’ ġid għalihom it-tnejn.

Imma tiġri xi ħaġa. Meta joffru l-offerta tal-frott tagħhom lil Alla, l-offerta ta’ Kajjin ma tiġix milqugħa, imma d-duħħan ta’ dak li suppost hu sempliċement ‘duħħan’ jiġi milqugħ. U l-ewwel reazzjoni x’inhi? Ħsieb ħażin fuq Alla – ‘Alla hu inġust’ – u għira u rabja fil-qalb ta’ Kajjin għal ħuh. Din ir-reazzjoni hi r-reazzjoni tal-bniedem f’kull żmien. Fl-istorja ta’ ħajjitna dejjem ser niltaqgħu ma’ xi ħadd li b’xi mod narawh differenti u aħjar minna. U r-reazzjoni hi l-għira u r-rabja, għalih, u donnu wkoll għal Alla, li jidher li hu inġust. Imma Alla jistieden lil Kajjin jagħraf dak li qed jiġri f’qalbu u fl-istess waqt jurih li jista’ jkun liberu, jista’ jrażżan dak is-sentiment li jrid jaħkmu, u jagħmel it-tajjeb (Ġen 4:6-7). Minkejja li kien “ħaddiem ir-raba’”, jista’ jsir ir-ragħaj tal-annimali li hemm ġo fih. U Kajjin jista’ jitgħallem jifraħ bil-ferħ u t-tajjeb tal-ieħor, li b’hekk isiru l-ferħ u t-tajjeb tiegħu wkoll!

Imma dan ma jiġrix. L-għira taħkem il-qalb ta’ Kajjin li joqtol lil ħuh Abel, għax ma setax jissaporti din id-differenza, jew din li dehret inġustizzja f’għajnejh. Ir-riżultat hu s-saħta li Kajjin iġib fuqu stess. Fil-Bibbja s-saħta tfisser li wieħed ikun mess mal-mewt, man-nuqqas ta’ ħajja. Kajjin mingħalih li ħeles minn ħuh, imma fil-verità l-qtil tiegħu jwassal biex tidħol il-mewt fil-ħajja tiegħu wkoll. Infatti bħala riżultat l-art ma tagħtihx aktar frott u għalhekk jgħix ‘jiġġerra u maħrub ’l hemm u ’l hawn fl-art’ (Ġen 4:12). Dak li warrab lil Abel u donnu ħeles mill-problema tiegħu, spiċċa ma jistax isib lilu nnifsu u lanqas postu. U issa qed jgħix fil-biża’ li hu wkoll jista’ jiġi maqtul, għax jaf dak li jista’ jiġri fil-qalb tal-bniedem meta tidħol l-għira u s-suspett. Kajjin jispiċċa waħdu u beżgħan.

Imma Alla ma jridx il-mewt, lanqas tal-qattiel, tant li jagħmel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux (Ġen 4:15). Għax hemm triq oħra, it-triq tal-kondiviżjoni u tal-aċċettazzjoni tad-differenzi ta’ bejnietna, li ma jibqgħux ta’ theddida għalina imma jsiru arrikkiment reċiproku. Il-mistoqsija ta’ Alla, “Fejn hu ħuk Abel?” (Ġen 4:9), trid tfakkar x’inhu l-atteġġjament is-sabiħ tal-bniedem; jiftakar u jimpurtah minn ħuh. Fl-istess waqt, it-tweġiba ta’ Kajjin turi fejn kapaċi twassal ir-rabja u l-għira: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9); indifferenza u bruda totali.

Dan ir-rakkont ikompli juri kemm faċilment il-bniedem kapaċi jħossu vittma tal-oħrajn, tal-ħajja u ta’ Alla, u diffiċilment jiftakar li hu wkoll aktarx kapaċi jkun l-aggressur. Kajjin infatti nesa malajr li hu kien l-ewwel wild, il-privileġġjat, u Abel kien it-tieni, imsejjaħ ‘duħħan’. Barra minn hekk, dan ir-rakkont fih nota importanti dwar it-tip ta’ offerta; għal Abel biss li jingħad li offra mill-“bikri” tal-merħla tiegħu (Ġen 4:3-4). Il-bikri huwa l-ewwel frott; il-frott l-aktar importanti għax joffrilek garanzija. Abel jagħti dan lil Alla. F’kelma oħra, hu qed jafda lil Alla b’ħajtu għax jaħseb tajjeb fih; jemmen li Alla hu xi ħadd li jipprovdi u fidil lejh. Kajjin, jidher li ma joffrix il-bikri. Dak iżommu għalih. Forsi għax diġà jaħseb li lil Alla mhux ta’ min jafdah? Forsi għax maħkum mill-biża’ li mhux ser ikollu biżżejjed? Mill-ġdid, ir-rakkont irid juri fejn iwassal il-ħsieb ħażin fuq Alla u fejn twassal il-ġibda biex il-bniedem jaħtaf dejjem aktar.

BI KRISTU, MA’ KRISTU U FI KRISTU

Min se jurini Alla min hu tassew? U min se jurini x’jiġifieri tkun tassew bniedem? Dawn ir-risposti bdew jinħmew sa mill-ewwel paġni tal-Iskrittura, u jsibu l-milja tagħhom f’Ġesù, veru Alla u veru bniedem. Fih nagħrfu li Alla huwa totalment il-kontra ta’ dak li prova jinsinwa s-serp. Alla veru huwa dak li jixtieq l-isbaħ relazzjoni possibbli mal-bniedem (Apk 21:3), tant li sar bniedem u għarrafna kull sigriet tal-Missier, għax aħna l-ħbieb tiegħu (Ġw 15:15); huwa dak li mhux talli ma jridniex bħalu, imma sar bħalna, biex aħna nkunu bħalu (1Ġw 3:2); huwa dak li mhux talli mhux għajjur għall-affarijiet tiegħu, imma jixtieq li saħansitra r-relazzjoni tiegħu mal-Missier, il-post tiegħu fi ħdanu, ikun ukoll il-post tiegħi (Ġw 14:3; 17,24); huwa dak li għalih ma jżomm xejn, imma jagħti kollox; huwa dak tal-kustat miftuħ, tal-“aħħar qatra ta’ demmek tajthielna”, tal-għotja tal-istess Spirtu Qaddis tiegħu (Ġw 19:30-34); huwa dak li bi ħlewwa u delikatezza jibqa’ jfittex lill-bniedem, għax jibqa’ fidil għall-kelmtu u għall-ħolqien tiegħu, filwaqt li jħallih dejjem fil-libertà.

Ġesù jurina li “l-Imgħallem u l-Mulej”, dak li għandu kollox f’idejh, huwa dak li jaħsel ir-riġlejn (Ġw 13:13-14); l-imħallef li jaqta’ s-sentenza huwa dak jitgħabba hu bil-ħtija tal-ħatja; li s-Sultan li jmexxi għandu bħala tron s-Salib; li r-ragħaj tal-merħla, isir hu l-ħaruf maqtul; li l-għarus li jaħkem fuq għarustu (Ġen 3:16), jitneżża’ hu biex ilibbes lilha; li dak li jista’ kollox jsir l-ilsir u ċ-ċkejken li jobdi sal-mewt (Fil 2:5-11).

Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, il-bniedem jista’ jgħix is-sejħa oriġinarja tiegħu. Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, jista’ jinħeles u jfiq mid-dnub oriġinali li jġib il-firda u l-mewt, biex jgħix is-sabiħ, il-ferħ, il-ħbiberija, l-għaqda fid-differenza, l-għotja, il-fiduċja... Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu wieħed ma jibqagħlux dubju dwar is-sabiħ li jafda lil Alla, anke fil-mewt, anke fl-aktar mument mudlam u tal-biża’, bħal dak tas-Salib. U fl-istess waqt, l-istess salib u l-kruha tiegħu, ifakkar fejn kapaċi jasal il-bniedem meta jiġi mqarraq, meta jsaltan f’qalbu l-poter, l-egoiżmu, il-biża’, ir-ribelljoni u s-suspett f’Alla.

Share to