Il-kuxjenza x’inhi eżatt?
(Il-Ħames kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")
Kif tista’ l-kuxjenza tgħinni nagħmel għażliet tajbin? Għaliex ħafna drabi jkun faċli nagħraf x’inhu t-tajjeb imma nsibha wisq diffiċli biex nagħmlu? Kif nista’ nifforma l-kuxjenza tiegħi? Kif tista’ tgħinni nagħraf aħjar il-preżenza ta’ Alla f’ħajti?
Għad għandi amment tal-ewwel drabi meta bdejt nisma’ u nirrekordja f’moħħi l-kelma “kuxjenza”. Kont għadni tifel żgħir u s-Sibt filgħodu kont immur l-għalqa ma’ missieri: minn fejn tibda l-mogħdija għal waħda mill-għelieqi tagħna kien hemm qisu bħal wesgħa fil-kampanja (fejn in-nies Ta’ Kerċem jgħidulu “Taħt il-Ġifna”). Ta’ spiss kien jiġri li dak l-ispazju kien jimtela b’żibel ta’ kull tip: boroż suwed, għamara antika, żejt tal-karozzi u tat-trakkijiet, annimali mejtin… U apparti r-riħa tinten għadni nisma’ lil missieri li aħna u deħlin l-għalqa kien jgħid ta’ spiss: “X’nies bla kuxjenza!” Jew inkella: “X’kuxjenza jrid ikollok?!” Inzerta wkoll li missieri kien Sindku tar-raħal u allura ħa ħsieb li jitwaħħal l-avviż: “Tarmix żibel hawn” u “Min jinqabad jiġi mħarrek”. Imma t-tagħlima kienet ċara anki għalija li kont għadni tifel fl-ewwel snin tal-primarja: mhux biżżejjed ikollok il-liġijiet u l-avviżi li jfakkru fil-liġijiet jekk hemm nies li m’għandhomx “kuxjenza”. U li mal-liġijiet u r-regoli, importanti li “jkollok kuxjenza”.
Infatti - biex inkomplu fuq l-eżempju taż-żibel fil-kampanja - il-possibilitajiet huma erbgħa:
- Li jkollok nies li jobdu l-liġijiet, sempliċiment għax il-liġi tgħid hekk, bla ma jafu jew iħossu x’inhu l-iskop warajha. U probabbli li ma’ din il-kategorija jkun hemm dawk li ma jarmux barra sempliċiment għax jibżgħu li jinqabdu u jeħlu l-multa. Imma probabbli wkoll li jekk ixommu li x’aktarx mhux se jinqabdu, jinqdew bl-okkażjoni u jarmu barra xorta waħda.
- Imbagħad dawk li mhux biss jafu bil-liġi, imma jaslu għall-iskop jew il-“valur” wara l-liġi. Mhux li ma jarmux barra “għax hekk” jew biex jinqabdux, imma għax “iħossu” li ’l hemm minn dik il-liġi “mhux sew” li tagħmel dik l-azzjoni għax tkun qed tħammeġ u tkerrah għad-detriment ta’ ħaddieħor, għax tkun qed tgħarraq post sabiħ, tkun qed iġġib ruħek b’mod li ma jixraqx f’soċjetà ċivilizzata. Probabbli li dawn in-nies iħossu dan anki meta mhu qed jarahom ħadd, anki meta tiġihom it-tentazzjoni li jeħilsu minn xi ħaġa fuq żaqqhom billi jarmuha fit-triq. U dawn jagħżlu li jimxu ma’ dan il-leħen ġo fihom li jordnalhom: “Le! Mhux sew”. Dik hija l-kuxjenza li x’aktarx kien jirreferi għaliha missieri.
- Imbagħad hemm ukoll dawk li jħossu dan il-kmand ġo fihom, “għandhom kuxjenza”, imma għal xi raġuni jew oħra jagħżlu li ma jobduhx: jew biex noqgħod komdu (għandi xi biċċa għamara d-dar, ma nafx fejn se mmur biha, allura nitfagħha barra fil-kampanja), jew għax ma nistax nagħmel mod ieħor (imma diffiċli nimmaġina dan fil-każ tar-rimi barra) u allura ma “nimxix mal-kuxjenza”, u nagħmel dak li qed tipprojbili nagħmel. Wara li nagħmel dan jew se jiddispjaċini għax din inħossha tniggiżni, jew inkella nagħżel li “ma nħabbilx rasi” u nipprova “nsikket il-kuxjenza” b’xi raġunament (eż. “mhux kulħadd hekk jagħmel!”).
- Fl-aħħarnett hemm dawk li la jagħtu kas il-liġi u lanqas għandhom kuxjenza. Immaġinaw kieku missieri, flok xi ħadd li jirrabja minħabba l-iskart fil-kampanja, kien xi ħadd li l-ħin kollu jarmi barra: x’aktarx kont nikber bil-konvinzjoni li m’hemm xejn ħażin f’li tagħmel dan. Forsi jien u nikber kien ikolli ċ-ċans li “nifforma kuxjenza” u ninduna li dan ħażin, imma mhux bilfors. Immaġinaw xi pajjiż tat-tielet dinja fejn m’hemmx il-ġbir tal-iskart imma kulħadd jarmi barra, jew fejn is-sistema tal-ġbir tal-iskart tikkollassa għal xi żmien (bħalma kien ġara xi żmien ilu f’Napli). F’sitwazzjonijiet bħal dawn kulħadd jibda jarmi barra u ħadd iktar ma jibqa’ jagħti kas jew iħossu ħati, sempliċiment għax m’għandekx għażliet oħra. U anki jekk titranġa s-sistema tal-ġbir tal-iskart, irid jgħaddi ż-żmien biex in-nies u s-soċjetà jiffurmaw kuxjenza dwar dan.

U biex niċċaraw ftit iktar x’inhi l-kuxjenza se nġibu eżempju bil-kontra! Settembru 2022: qiegħed Ruma għall-istudju u fl-4.30pm ħriġt mill-Università wara ġurnata nikteb it-teżi. Nikkalkula li għandi siegħa biex nasal fil-parroċċa fejn għandi l-quddiesa tas-6pm. Imma dakinhar kien hemm traffiku iktar mis-soltu u x-xarabank li s-soltu naqbad (is-766) iddawret. Ftit qabel ma ġiet ninduna li m’għandix biljett tal-autobus. Is-soltu kien ikolli rasi mistrieħa għax kont nagħmel abbonament għal sena sħiħa imma dan kien skada xi jiem qabel u kien għadni ma ġeddidtux. Dan ifisser li ma nistax nitla’ fuq il-bus, għax Ruma tistax tixtri l-biljett mingħand ix-xufier u fuq kull bus hemm miktub li “huwa pprojbit bil-qawwi li titla’ fuq il-bus mingħajr biljett”. X’se nagħmel? Nista’ mmur nixtri wieħed minn ħanut fil-qrib, imma jekk nagħmel dan nitlef il-bus u ma nasalx il-parroċċa fil-ħin għall-quddiesa… imbagħad min se jqaddes? Nista’ nċempel lil xi ħadd mill-qassisin l-oħra, imma dal-paniku worth it? Allura raġunament ta’ dak il-ħin hi u ġejja l-bus: “Nitla’ xorta!” U dan ir-raġunament inħossu forma ta’ ordni: mhux biss tista’ titla’, imma għandek titla’, huwa importanti li titla’. Naturalment kien hemm tort tiegħi li ma ġeddidtx l-abbonament fil-ħin, imma f’dik is-sitwazzjoni “ħassejt il-kuxjenza” tgħidli li kelli nitla’, anki jekk dan hu kontra l-liġi! Dak il-ħin kien hemm xi ħaġa iktar importanti minn dik il-liġi u minn biljett jiswa €1.50. Naturalment ukoll kont mimli tensjoni li se jitla’ l-kontrollur u jwaħħalni xi €50 multa, u kont il-ħin kollu nirrepeti lili nnifsi “bilġri naslu l-parroċċa”. Imma mhux hekk biss: il-kuxjenza bdiet tniggiżni kif se nsewwidak li ġara, għax li kont bla biljett xorta kien tort tiegħi u jien kont midjun mal-kumpanija li tħaddem il-buses għal dak il-vjaġġ mhux imħallas. Allura ġietni l-idea: għada nixtri biljett żejjed ta’ €1.50 u nqattgħu u hekk inkun tajt lura lill-kumpanija ta’ dak il-vjaġġ. Forsi tgħiduli li għandi “kuxjenza skrupluża”, imma kemm-il darba xi ħadd Ruma ġie jqerr għandi li tela’ fuq il-bus mingħajr biljett u dan iqisu bħala nuqqas. Jien kont nissuġġerixxi: ixtri biljett żejjed u qattgħu! Allura issa li ġrat lili ħassejt il-kuxjenza tgħidli: “Issa li ġrat lilek imiss li tagħmel dak li tissuġġerixxi lil ħaddieħor”. U hekk xieraq!
Dawn iż-żewġ każijiet mill-ħajja ta’ kuljum jagħtuna ħjiel ta’ x’inhi l-kuxjenza u kif “taħdem”, kif inħossuha. L-ewwelnett juruna li l-bniedem ma jiffunzjonax għalkollox skont l-iskema ta’ action-reaction, stimulus-response. L-elementi tad-dinja materjali huma rregolati mil-liġijiet tal-fiżika (jekk inpoġġi l-ilma fuq in-nar se jagħli dejjem), il-ħxejjex u l-organiżmi bijoloġiċi mill-proċessi bijoloġiċi (jekk niżra’ żerriegħa u għandha l-kundizzjonijiet meħtieġa din inevitabbilment se tikber fi pjanta), l-annimali mill-istinti preċiżi tagħhom (iljun bil-ġuħ li jara żebra fil-qrib żgur li se jipprova jattakkaha biex jikolha). Issa l-bniedem huwa taħlita ta’ dan kollu (magħmul minn proċessi kimiċi, bijoloġiċi u minn istinti) imma għandu xi ħaġa oħra li l-ebda kreatura oħra ma għandha: il-kapaċità li jipproċessa ġo fih l-istimoli u l-informazzjoni li jirċievi minn barra (permezz tas-sensi) u minn ġewwa. Dan jispjega kif il-bniedem kapaċi jagħmel affarijiet li ma jeżistux fost l-annimali: li jagħżel dieta u jsum anki jekk inhu bil-ġuħ u “jagħżel” li jirrifjuta ikel li jħossu miġbud għalih, li tiġih l-idea li jmur fuq il-qamar u jibni makkinarju biex jagħmel dan, li jagħmel gwerra dinjija fejn kważi l-individwi kollha tal-ispeċi tiegħu jkunu f’taqtigħa ħarxa bejniethom (diffiċli timmaġina “gwerra dinjija” bejn l-iljuni jew il-kukkudrilli jew il-klieb il-baħar, avolja dawn huma b’saħħithom ferm iktar minna).
Allura kull bniedem (jiġifieri kull individwu u mhux sempliċiment il-bniedem inġenerali) għandu ġo fih xi ħaġa li twasslu biex jirreaġixxi b’mod differenti u uniku fis-sitwazzjonijiet li jkun fihom. Hemm min jaqlibha lill-mara jew lir-raġel, hemm min jagħżel li jibqa’ fidil fiż-żwieġ (għalkemm x’aktarx li t-tnejn iħossu l-istess ġibdiet lejn persuni oħra). Hemm min jagħżel li jobdi l-liġi, min jagħżel li jiksirha, min jitla’ fuq tal-linja bla biljett u bla skruplu ta’ xejn, min jitla’ darba frott il-bżonn imbagħad jara kif jirranġa, u min qatt ma jirkeb bla biljett għax jiskrupla jagħmel dan. U dan skont raġunijiet u motivazzjonijiet differenti.
L-awtur Grieg Sofokle jirrappreżenta dan il-kunflitt fid-dramm Antigone, imtella’ għall-ewwel darba f’Ateni fis-sena 422 QK. Fi żmien ta’ gwerra, ir-Re Kreonte joħroġ liġi li ħadd ma jista’ jidfen lill-għedewwa tal-belt. Madanakollu Antigone tinqabad qed tidfen lil ħuha Poliniċe, u wara li jarrestawha jressquha quddiem Kreonte biex tiġi interrogata. Xħin dan jistaqsiha kinitx taf bil-liġi tiegħu, hi twieġeb li kienet taf, imma li fl-istess ħin kienet taf b’liġijiet tal-allat li jordnaw id-difna ta’ kull mejjet irrispettivament minn min hu jew dak li għamel: għalhekk iddeċidiet li timxi magħhom, anki jekk kienet taf li tirriskja l-mewt.
Fl-Antik Testment u fil-Vanġeli dan l-“ispazju” interjuri fejn il-bniedem jipproċessa kollox jissejjaħ il-qalb. Il-qalb ma tindikax biss ir-raġuni umana (għal-Lhud qalb u moħħ xi kultant kienu jfissru l-istess ħaġa), u s-sentimenti u l-emozzjonijiet, imma l-post li fih inħoss x’għandi nagħmel, min għandi nkun, x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Din il-“qalb” mhix l-istess għal kulħadd u l-kwalità tagħha tvarja minn bniedem għal ieħor: hemm qalb “tajba”, “safja”, hemm qalb “ħażina”, “iebsa”. Għalhekk, awgurju sabiħ li jagħmel Alla lill-poplu tiegħu hu li “nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha” (Eżek 36:26). Fil-Vanġeli Ġesù jippreżenta ruħu bħala bniedem “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), filwaqt li jwissi li mhux dak li “hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.” (Mk 7:21-23). Il-qalb għalhekk hija l-parti l-iktar intima u profonda tiegħi bħala persuna, dak li tassew jien u dak li nħoss li għandi nkun. U fl-istess ħin mhijiex istint, xi ħaġa statika li nirċeviha lesta mit-twelid, imma li nsawwarha jien bil-libertà u bl-għarfien tiegħi (kemm dak li nitgħallem, kif ukoll dak li nwettaq).
L-ewwel wieħed fl-Iskrittura li dan l-ispazju interjuri jagħtih l-isem speċifiku ta’ “kuxjenza” huwa San Pawl (għalkemm Pawlu nnifsu jissellef dan il-kunċett mingħand il-filosofi pagani u jadattah għall-fidi Kristjana). Min-naħa l-waħda jgħid li l-kuxjenza hija “xhud” li l-kmandamenti ta’ Alla huma miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem, anki ta’ dawk il-pagani li qatt ma semgħu b’Alla ta’ Iżrael, jew inkella b’Ġesù Kristu. Min-naħa l-oħra, il-kuxjenza hija “mħallef” li nħossu ġewwa fija, għaliex takkuża jew tapprova l-għemil tiegħi (Rum 2:15). Għalhekk il-kuxjenza hi don ta’ Alla lil kull bniedem, leħen li nħossu ġewwa fija li mhux biss jagħtini informazzjoni dwar it-tajjeb u l-ħażin imma li nħossu bħala kmand, imperattiv li jgħidli x’għandi nagħmel u li jċanfarni u jġegħelni nħossni ħati jekk ma nobdihx. Dan il-leħen huwa don għax juri l-libertà u d-dinjità kbira li għandu l-bniedem: għalija t-tajjeb u l-ħażin mhumiex istint u lanqas huma sempliċi kmand li ġej minn barra, imma huma xi ħaġa li nħossha u nasal għaliha fl-intimu tiegħi, permezz tar-raġuni tiegħi (minn hawn it-terminu “kuxjenza”, mil-Latin conscientia li jfisser letteralment “bl-għarfien”). Huwa għalhekk li l-Knisja ssejjaħ lill-kuxjenza “t-tabernaklu tal-bniedem, fejn dan isib ruħu waħdu wiċċ imb wiċċ ma’ Alla, li l-leħen tiegħi jidwi fl-intimità”. (Gaudium et spes, 16) Min-naħa l-oħra l-kuxjenza hija wkoll umana, u allura għandha bżonn titgħallem u tiżviluppa. Mhijiex xi ħaġa imposta fuq il-bniedem imma tikber miegħu. U peress li hija umana tista’ wkoll tiżbalja, billi tasal għal konklużjonijiet u għal ġudizzji li huma ħżiena: dan jiġri jew minħabba l-għarfien limitat tal-persuna jew inkella minħabba patterns ta’ mġiba ħażina li jrabbu l-għeruq u li biż-żmien jaljenawha.

Fid-dawl ta’ dan li qed ngħidu dwar il-kuxjenza, nistgħu nqajmu xi mistoqsijiet:
NISTGĦU NGĦIDU LI L-KUXJENZA HIJA "L-LEĦEN TA' ALLA ĠEWWA FINA"?
Iva u le (jew kif jgħidu t-Taljani “ni” jew “sni”, taħlita ta’ “si” u “no”). Nistgħu ngħidu li hija l-leħen ta’ Alla għaliex ġejja minnu u hija d-don tiegħu, imma iktar milli vuċi diretta ta’ Alla hija iktar messaġġiera ta’ Alla. X’inhi d-differenza? Il-messaġġier ma jwassalx direttament il-leħen imma jerġa’ jirrepetih u jadattah, bir-riskju li jiżbalja xi partijiet minnu jew jagħtih interpretazzjonijiet li jgħawġu dak li hemm fil-messaġġ oriġinali. Il-kuxjenza hija dan it-tip ta’ messaġġier. Mhijiex leħen dirett ta’ Alla bħalma hi l-Bibbja, imma hi messaġġier li jisma’ l-leħen ta’ Alla u jdawru f’obbligu morali. U dan bir-riskju li tiżbalja waqt il-proċess peress li l-kuxjenza hija umana, u ħaġa waħda mal-iżvilupp tal-bniedem.
X'JURINA LI L-KUXJENZA TISTA' TIŻBALJA?
Il-fatt li fl-istorja tal-umanità l-bnedmin għamlu l-agħar affarijiet konvinti li qed jagħmlu t-tajjeb, anzi affarijiet qaddisa. San Pawl stess jgħid li kien jippersegwita lill-Insara u jfittixhom biex jarrestahom konvint li qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Minjaf kemm Nażisti kienu konvinti li dak li kienu qed jagħmlu fil-kampijiet ta’ konċentrament kien xi ħaġa tajba, jew għall-inqas bżonjuża. Minjaf kemm terroristi qatlu nies innoċenti konvinti li dak kien għemil favur il-ġustizzja u l-libertà! Dan nagħrfuh ukoll mill-esperjenza tagħna: jiġri li nagħmlu affarijiet li dak il-ħin jidhru li huma tajbin jew ma fihom xejn ħażin, imma li wara nsiru iktar konxji tagħhom u nħossuna guilty li għamilniehom (jew almenu ma nħossuniex komdi nirrepetuhom). U dan jurina li l-kuxjenza mhijiex imħallef infallibbli, imma tista’ tkun “erronea” (minn “error”), jiġifieri tindikalna u tikkmandana nagħmlu affarijiet li mid-dehra jkunu tajbin jew permessi, imma fil-fatt ikunu ħżiena.
JEKK RESPONSABBLI TAL-IŻBALJI TAL-KUXJENZA TIEGĦI?
Jiddependi. Hemm żbalji li jien responsabbli tagħhom, peress li huma frott in-nuqqas ta’ impenn tiegħi li nsir naf il-verità u t-tajjeb. Huwa dmir ta’ kull bniedem li jiskopri li s-serq huwa ħażin, il-qtil ħażin, kull tip ta’ abbuż huwa ħażin… Huwa dmir ta’ kull Kristjan li jsir dejjem iktar konxju x’inhu mistenni minnu frott is-sejħa li ngħatatlu fil-Magħmudija (eż. li jien imsejjaħ biex fil-jum tal-Ħadd nisma’ l-Kelma ta’ Alla u nieħu sehem fl-Ewkaristija). Hemm żbalji tal-kuxjenza li jiġu mill-fatt li nidra nagħmel il-ħażin u allura l-kuxjenza titlef l-effett tagħha, u l-ħażin isir għalija n-normalità, stil ta’ ħajja. Anki dan huwa responsabilità tiegħi, u anki jekk il-ħażin ikun sar dipendenza li tneħħili l-libertà (eż. id-droga, l-alkoħol jew il-pornografija) jien nibqa’ responsabbli li almenu nfittex l-għajnuna biex inkisser dik id-dipendenza. Imbagħad hemm żbalji ġejjin minn dik li tissejjaħ “injoranza invinċibbli”, jiġifieri nuqqas ta’ għarfien tal-verità li l-bniedem mhux responsabbli tiegħu għax ma kienx f’kundizzjoni li jitgħallem mod ieħor (eż. tifel li l-ħin kollu jisma’ d-dagħa fil-familja u awtomatikament jibda jidgħi hu wkoll mingħajr l-għarfien li dan hu ħażin). Imma dawn il-każijiet kollha juruna l-ħtieġa li l-kuxjenza tagħna tiġi mdawla u ffurmata kontinwament.
KIF NISTA' NIFFORMA L-KUXJENZA TIEGĦI?
Barra milli tfissrilna l-kuxjenza x’inhi u kif taħdem, il-Knisja tinsisti dwar il-formazzjoni tal-kuxjenza, obbligu li għandu kull bniedem u kull Kristjan. U din hi xi ħaġa fundamentali meta qed nitkellmu dwar il-kuxjenza. Ġesù nnifsu jisħaq dwar l-importanza li nagħrfu l-verità li teħlisna, u għall-bniedem din mhix sempliċi opportunità imma l-iskop tal-ħajja. Bħala ċittadin għandi d-dmir nifforma l-kuxjenza tiegħi permezz tal-edukazzjoni li nirċievi, billi ninforma ruħi dwar x’inhu għaddej f’pajjiżi u fid-dinja u li nfittex din l-informazzjoni minn sorsi li nemmen li huma kredibbli u veritieri, u billi naġġorna ruħi dwar l-obbligi personali u soċjali tiegħi fis-soċjetà (minħabba f’hekk min iħaddem jorganizza kull tant u tant korsijiet ta’ formazzjoni). Bħala Kristjan għandi d-dmir nifforma mbagħad kuxjenza kristjana, kuxjenza li fiha t-timbru dirett ta’ dak li Alla għarrafna f’Ġesù Kristu. Allura l-importanza tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla (fil-quddiesa u anki fi gruppi ta’ formazzjoni), li nfittex u nikkonfronta ruħi mat-tagħlim tal-Knisja meta għandi xi dubji jew meta nħoss il-bżonn, li nersaq għas-sagrament tal-Qrar, kif ukoll li noqgħod fuq il-parir jew l-indikazzjoni ta’ xi ħadd li nafdah u li konvint li hu nnifsu ffurmat. Il-kuxjenza hija umana anki f’dan, jiġifieri fil-fatt li ma tistax tgħaddi mingħajr ħaddieħor, ma tistax tgħallem lilha nnifisha, u ma tistax tiddeċiedi tajjeb mingħajr ma tqis ir-rabta li għandha ma’ ħaddieħor u l-effett li se tħalli fuqu.