Id-Djakonat
Sejħa għall-Qadi fl-Imħabba
Bħala djaknu ġdid spiss niġi mistoqsi dwar x’inhu d-djakonat. It-tweġiba li nħobb nagħti hija li d-djaknu huwa ismu miegħu: qaddej.
Il-kelma “djaknu” toriġina mill-kelma Griega “διάκονος” li tfisser propju “qaddej”. Difatti l-Isqof, huwa u jagħti dan is-Sagrament jitlob fuq l-ordinandbiex jgħix bħall-Iben “li ġie fostna mhux biex ikun moqdiimma biex jaqdi.” Din id-definizzjoni sempliċi tiġbor fil-qosor l-essenza tal-ministeru djakonali. Id-djakonat ifisser li wieħed ikun disponibbli lijservi lil Alla u lill-poplu tiegħu.
Vokazzjoni għas-servizz
Il-Mulej għandu pjan għalina lkoll. Hu jixtieq li fil-libertà tagħna aħna nikkollaboraw miegħu f’dan il-pjan li bih irid iwassalna għall-akbar hena. Hu jurina dan il-pjan li għandu għalina permezz tas-sejħat li jagħmlilna.
Il-kelma ‘vokazzjoni’ għandha għeruqha fil-Latin. Bil-Latin il-kelma “vox” tfisser “vuċi”, u għalhekk imbagħad il-kelma “vocatio’ tfisser “sejħa”. Il-vokazzjoni, mela, mhi xejn għajr sejħa: is-sejħa li Alla jagħmlilna li permezz tagħha jrid iwassalna għall-akbar ġid għalina.
Is-sejħa tal-Mulej li twassalna għall-akbar ġid tagħna, kull bniedem jgħixha fis-sitwazzjoni u fil-kuntest partikolari tiegħu. Tista’ tieħu forom differenti: il-ħajja miżżewwġa, il-ħajja reliġjuża, il-ħajja tas-saċerdot... Però hemm ċerti affarijiet li japplikaw għas-sejħat kollha tal-Mulej. Fl-Aħħar Ċena, Ġesù tana proposta li permezz tagħha ġabar tagħlimu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Din is-sejħa Ġesù jagħmilha wara li ħasel riġlejn l-Appostli. Dan ifisser li Ġesù qed jagħmlilna sejħa biex inħobbu billi nservu lill-oħrajn. Il-vokazzjoni li qed jagħmlilna l-Mulej, li trid twassalna għall-akbar ġid tagħna, tinvolvi żgur li nħobbu lil xulxin b’mod inkundizzjonat.
Id-djakonat huwa mod partikulari ta’ kif wieħed jilqa’ din is-sejħa li jħobb lil Alla u lill-proxxmu, billi jsir ministru ordnat li jingħata għas-servizz tal-Mulej u tal-poplu tiegħu. Fil-mentalità popolari d-djakonat huwa ikkunsidrat biss bħala xi ħaġa temporanja, il-pass li wieħed jagħmel qabel isir presbiteru. Imma meta wieħed isir saċerdot dan ma jfissirx li titħassar fih il-marka tad-djakonat. Is-saċerdot għandu ministeru differenti minn tad-djaknu, li jkun ragħaj tal-komunità afdata f’idejh. Imma dan il-ministeru ta’ ragħaj huwa msejjaħ iwettqufi spirtu djakonali: li jrieġi lil dawk afdati f’idejh billi jkun qaddej tagħhom. Hekk jgħallem Ġesù lill-Appostli:“Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jsir ilsir ta' kulħadd” (Mk 10, 43-44).
Mhux kulħadd huwa msejjaħ li jsir djaknu; anzi din hija sejħa li ssir lil ftit. Però minkejja li ftit huma l-imsejħin li jidħlu fl-ordni tad-djakni, il-qadi hija sejħa li l-Mulej jagħmel lil kulħadd mingħajr eċċezzjoni. Kulħadd huwa msejjaħ biex iservi fl-imħabba. Għalhekk, f’ċertu sens, kulħadd imsejjaħ ikun djaknuinkwantu huwa msejjaħ mill-Mulej biex ikun qaddej tal-oħrajn.

Il-ministeru partikulari tad-djaknu
Lil hemm mis-sejħa li l-Mulej jagħmel lill-bnedmin kollha biex iħobbu fil-qadi, id-djaknu jwettaq din is-sejħa f’responsabiltajiet partikulari. Id-djaknu huwa ikkonsagrat għal ministeru ta’ servizz lill-Knisja. Ir-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu huma:
- Assistent fil-Quddiesa: Id-djaknu jassisti lis-saċerdot waqt il-Quddiesa. Jagħmel dan billi jħabbar il-Vanġelu, xi drabi jagħmel l-omelija, u jħejji l-altar. Id-djaknu jista’ jassisti wkoll il-mejtin waqt il-funerali.
- Ministru Ordinarju tal-Ewkaristija: Id-djaknu jgħin fit-Tqarbin waqt il-quddies u wkoll iwassal lil Ġesù Ewkaristija lill-morda. Barra minn hekk huwa jista’ jesponi lil Ġesù Sagramentat għall-adorazzjoni u wkoll jagħti l-barka Ewkaristika.
- Amministrazzjoni tas-Sagramenti: Id-djaknu jista’ jamministra s-sagrament tal-Magħmudija. Huwa jista’ ukoll ikun ix-xhud kwalifikat tal-Knisja waqt iż-Żwieġ.
Dawn il-ministeri juru li l-irwol tad-djaknu fil-ħajja tal-Knisja huwa l-aktar fil-liturġija, fil-karità, u fit-tħabbir tal-Kelma ta’ Alla.
Kif niskopri t-triq partikolari tiegħi?
Meta wieħed jitkellem minn vokazzjoni, donnu jistenna li Alla se jurih xi jrid minnu permezz ta’ rivelazzjoni sopranaturali. Għad li Alla huwa omnipotenti u għalhekk jista’ jagħmel dan, donnu jippreferi li jkellimna b’mod aktar sottili fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna. Imma għaliex?
Dan jista’ jkun għax rivelazzjoni sopranaturali hija evidenti minnha nfisha u donnu li wieħed bilfors ikun imġiegħel isegwiha. Il-libertà tagħna hija għażiża ħafna għal Alla. Hu ma jridx jisforza r-rieda tiegħu fuqna u għalhekk ikellimna b’mezzi aktar ordinarji fil-ħajja ta’ kuljum. Alla ma jgħajjatx imma jitkellem minn taħt l-ilsien għax ma jridx jisfurzana nisimgħu. Irid li aħna nagħmlu deċiżjoni li nisimgħuh.
Lil Alla nisimgħu billi nkun attent għal dak li qed jiġri ġo fija u għal dak li qed jiġri madwari. Dan għaliex Alla jkellimna bl-esperjenzi u wkoll permezz ta’ persuni oħra. Dan huwa d-dixxerniment: li fi spirtu ta’ talb ngħarbel dak li qed jiġri fil-ġewwieni tiegħi biex nagħraf il-vuċi ta’ Alla.
Mhuwiex dejjem faċli li wieħed jagħraf is-sejħa ta’ Alla u jwieġeb għaliha. Dan irid iż-żmien u wkoll il-kuraġġ. Imma huwa sabiħ li wieħed jistaqsi u jfittex is-sejħa tiegħu. Ħafna jimxu minn ħaġa għal oħra, tgerbeb sena wara oħra, fażi tal-ħajja wara oħra, mingħajr qatt ma jistaqsu x’inhi s-sejħa tal-Mulej għalihom, dik il-ħaġa li permezz tagħha Alla jrid iwassalhom għall-akbar ferħ. Wieħed m’għandux jibża’ jistaqsi, anzi għandu jiftakar li huwa msejjaħ u li din is-sejħa ma jistaxjinjoraha jekk jixtieq li jkun hieni. It-toroq tal-Mulej jista’ jkun li ma jinftehmhux mill-ewwel, iżda bl-għajnuna ta’ Alla u bil-fiduċja Fih, wieħed jagħraf li huma l-aħjar toroq għalina.