Għaliex il-Magħmudija tingħata f’età daqshekk żgħira?

21 October 2025 | Written by Dun Daniel Sultana (mill-ktieb "Nemmen, imma..." ta' Dun Franklin Micallef)
(Ir-raba' kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")

 

Għaliex ħafna drabi l-Magħmudija nagħtuha lit-trabi meta dawn ma jafux x’qed jirċievu? Mhux aħjar tingħata meta wieħed ikollu żmien biżżejjed biex jifhem u jagħżel hu? X’jagħmel fija l-Ispirtu s-Santu li nirċievi?

Hemm żewġ tipi ta’ ċelebrazzjonijiet li nagħmlu aħna l-bnedmin: dawk simboliċi u dawk effikaċi. Dawk simboliċi huma rit sabiħ li jiċċelebra l-fatt li tkun ġrat xi ħaġa. Meta f’għeluq snini naqsam il-kejk u nonfoħ ix-xemgħa nkun qed niċċelebra l-fatt li għaddiet sena oħra mit-twelid tiegħi fid-dinja. Inkun fraħt, imma ma nkun ġibt xejn ġdid fil-ħajja tiegħi – mhuwiex il-qsim tal-kejk li jagħtini sena oħra ta’ ħajja; is-sena ġiet u għaddiet waħedha; bil-qsim tal-kejk iċċelebrajt simbolikament fatt li diġà seħħ. Bħal din hemm iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tat-tazza u l-medalji lil tim tal-futbol li jkun rebaħ kampjonat; jew ir-ritwal tal-gradwazzjoni wara li student ikun temm b’suċċess l-eżamijiet kollha.

Iċ-ċelebrazzjonijiet effikaċi huma ħaġa oħra. Permezz tagħhom jingħata bidu lil sitwazzjoni ġdida. Meta fil-jum taż-żwieġ mara u raġel jgħidu lil xulxin – permezz ta’ riti, kliem, ġesti u simboli – li se jħobbu lil xulxin għal dejjem bħala “raġel tiegħek, mara tiegħek”, dik iċ-ċelebrazzjoni ġġib sitwazzjoni ġdida għalihom u għas-soċjetà kollha. L-istess nistgħu ngħidu għar-ritwal sempliċi li jsir meta tnejn jiffirmaw kuntratt u jieħdu b’idejn xulxin; jew iċ-ċerimonja li ssir fil-qorti li biha maġistrat jipproklama l-verdett ta’ kawża. Huma riti li jġibu effett fis-sitwazzjoni ta’ min jieħu sehem fihom, u għalhekk jissejħu effikaċi.

IL-MAGĦMUDIJA TAGĦTI ĦAJJA ĠDIDA

Ir-rit tal-Magħmudija, bħas-sagramenti l-oħra, mhuwiex rit simboliku; huwa rit effikaċi, anki jekk juża s-simboli. Fit-Testment il-Ġdid, kull meta hemm imsemmija l-Magħmudija, b’xi mod jew ieħor dejjem jingħad li dan ir-rit jagħmel xi ħaġa, iġib effetti: “min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mk 16:16; ara Atti 2:38; 1Pt 3:21).Il-Magħmudija ġġib tassew xi ħaġa ġdida fil-ħajja ta’ min jirċeviha: iġġib “ħajja ġdida”. San Pawl ipoġġiha hekk: “Indfinna [ma’ Kristu Ġesù] fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:4).

FIDI IMPOSTA?

Hawn tqum l-ewwel mistoqsija fil-każ li l-Magħmudija tingħata lil trabi tat-twelid. Jekk il-Magħmudija ġġib ħajja ġdida f’dak li jkun, allura għaliex nimponu fuq it-trabi xi ħaġa li ma nafux jekk iriduhiex jew le? Mhux aħjar jitgħammdu meta jkollhom żmien biżżejjed biex jifhmu u jagħżlu huma jekk iridux din il-ħajja ġdida jew le?

Tweġiba banali tista’ tkun din: il-fatt li hemm nies li tgħammdu bħala trabi u llum ma jgħixux skont il-fidi nisranija, juri kemm mhux veru li l-ħajja tal-fidi tista’ tiġi imposta bil-Magħmudija. L-impożizzjoni u l-fidi nisranija m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Jekk “nemmen” għax bilfors, għax nibża’ minn xi ħaġa, malli tgħib it-theddida ma nibqax nemmen.

Il-fidi ma tistax tkun imposta; il-fidi tista’ biss tiġi proposta. It-tabib jista’ jagħtini l-preskrizzjoni ta’ mediċina li se tgħinni nfiq, u xi ħadd jista’ saħansitra jmur għand spiżjar jixtrili dik il-mediċina hekk li ġo dari jkolli l-mezz tal-fejqan tiegħi; imma qabel ma nkun jien li neħodha ma nistax infiq. Xi ħadd jista’ jibgħatli messaġġ u jipproponili noħorġu flimkien, f’idi jkolli ċ-ċans li nibda relazzjoni ġdida li taf tibdilli ħajti; imma qabel inwieġeb fil-pożittiv għal dak il-messaġġ ma nista’ qatt induq il-ferħ ta’ dik ir-relazzjoni. Bl-istess mod, Alla jista’ biss jistedinni u jerġa’ jistedinni biex inħallih imexxini hu; imma hu biss meta jien, b’mod ħieles, naċċetta l-proposta ta’ Alla u ngħidlu iva personalment, li sseħħ xi ħaġa ġdida f’ħajti. B’mod ħieles – kull darba li xi ħadd jgħid iva lil Alla, dik l-iva tiswa għax seta’ kieku qallu le, għax Alla mhu se jimponi ruħu fuq ħadd.

Xi ħadd li rċieva l-Magħmudija bħala tarbija, minkejja li dakinhar ma setax jgħid iva hu personalment lil Alla, jekk irid jista’ jgħidlu iva meta jkun jista’ jifhem u jagħżel hu. Il-ħajja tal-fidi li tirċievi tarbija fil-Magħmudija hija biss żerriegħa ċkejkna: diġà fiha kollox, imma biex tagħti l-frott trid tiġi kkultivata. Għal dan hija meħtieġa l-għajnuna tal-ġenituri u l-parrini: huma dawn li fil-ħajja ta’ kuljum juru bil-kliem u bil-ħajja tagħhom kif jgħix wieħed nisrani, x’jemmen, u ta’ liema familja hu membru. Anki l-komunità nisranija hija responsabbli mit-tkabbir ta’ din iż-żerriegħa, permezz tal-katekeżi, tal-karità u tas-sagramenti.

Imma xi darba jew oħra, hija meħtieġa wkoll l-aċċettazzjoni ta’ dak it-tifel jew tifla. Maż-żmien, f’ħafna postijiet, din l-għażla, din l-aċċettazzjoni, ġiet marbuta mal-jum li fih wieħed jirċievi s-sagrament tal-Konfermazzjoni. Fil-Griżma tal-Isqof, Alla jikkonferma d-don li jkun ta lill-imgħammdin bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu. Imma dakinhar, l-aktar dawk li jkunu tgħammdu bħala trabi, jiġu mistiedna biex fil-qalb tagħhom u quddiem kulħadd huma wkoll jikkonfermaw l-għażla tagħhom li jimxu wara Ġesù.

IX-XEWQA TAL-ĠENETURI NSARA

Mela għax ma nagħtux il-Magħmudija dakinhar ukoll, meta jkunu kapaċi jagħżlu huma? Fuq dan nistgħu ngħidu żewġ affarijiet. Qabelxejn, meta jista’ jkun “żmien tajjeb” biex dak li jkun jagħżel? Meta jkun kapaċi jifhem u juża moħħu? Meta jkun matur u liberu biżżejjed? U x’inhuma s-sinjali ta’ din il-maturità u ta’ din il-libertà? Hu ftit diffiċli nindikaw żmien. Forsi meta għall-inqas dak li jkun ikun evalwa l-għażliet kollha possibbli? Imma veru hu importanti “li nkun naf kollox” qabel nagħżel? Fuq dan nerġgħu lura aktar ’l isfel. It-tieni, irridu nammettu li fil-ħajja hemm ħafna aktar affarijiet li m’għażilthomx jien milli li għażilthom jien. Is-sess bijoloġiku u l-familja tiegħi la għażilthom jien u lanqas xi ħadd ieħor. L-isem li tawni, il-pajjiż li fih trabbejt, il-lingwa materna li għallmuni, l-ikel li tawni, l-iskola li bagħtuni u elf ħaġa oħra huma kollha għażliet li għamlu għalija dawk li rabbewni.

Għamel ħażin min għażel għalija? Kien sempliċement egoist li ħaseb fih innifsu u mhux fija? Jew fl-għażliet tagħhom kienu interessati fija u fil-ġid tiegħi? Nieħdu eżempju wieħed: veru li, ladarba kellmuni bil-Malti u xi ftit bl-Ingliż, “tellfuni” milli nikkomunika bil-Portugiż ma’ xi ħadd mill-Brażil; illimitawni li nista’ nitkellem biss ma’ min jaf il-Malti u l-Ingliż. Imma l-ġenituri tiegħi ma żbaljawx għax għallmuni l-Malti. Anzi, bis-saħħa tal-ilsien Malti, jien bnejt l-ewwel ħbiberiji, għamilt kuntatt mad-dinja ta’ barra... u kelli opportunità li l-għalliema jkellmuni bil-Malti biex jgħallmuni lingwi oħrajn. Il-ġenituri raw li l-Malti kien l-aħjar għalija biex nifhem id-dinja u n-nies ta’ madwari, u hekk nibda l-avventura ta’ ħajti.

Lanqas żbaljaw li ma stennewx sa meta jkolli żmien biżżejjed biex nagħżel lingwa jien. Wara kollox, meta kien se jkolli żmien biżżejjed biex nagħżel? U mil-liema lingwi kont se nagħżel? Kien ikolli nitgħallimhom kollha. Kien ikun impossibbli, u kont nitlef ħafna ħin prezzjuż u relazzjonijiet sbieħ. Meta għamlu għażliet għalija, il-ġenituri tiegħi raw x’kien ta’ ġid għalija.

Hu l-istess raġunament li jmexxi lill-ġenituri nsara biex jgħammdu t-trabi tagħhom. Huma joffrulhom l-aħjar ħajja li jafu biha: il-ħajja l-ġdida. B’dan ir-rigal, joffrulhom mod kif jistgħu jħossuhom maħbubin: Alla li jafhom u jħobbhom dejjem. Joffrulhom mod kif jistgħu jaqraw il-ġrajjiet li jgħaddu minnhom: Alla jmexxi kollox lejn il-ġid. Joffrulhom l-aqwa strateġija kif jistgħu jaffrontaw il-biżgħat tagħhom: għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir. Joffrulhom l-aqwa ħbiberija: dik ma’ Ġesù, li ma jittradik qatt. Joffrulhom l-aqwa sapport: dak tal-Knisja. Jekk imbagħad it-tfal iħossu li dawn ir-rigali jistgħu jgħaddu mingħajrhom, jew jekk isibu aħjar minnhom, jistgħu dejjem jiċħduhom. Imma jekk jiskopru li tassew huma l-aqwa affarijiet li jeżistu – bħalma emmnu l-ġenituri tagħhom – allura jistgħu jagħmluhom tagħhom.

IL-MAGĦMUDIJA U L-FIDI

Sa minn żmien antik, meta persuna adulta titlob li tirċievi l-Magħmudija, isirulha xi mistoqsijiet: “X’titlob mill-Knisja ta’ Alla?” – “Il-fidi.” – “U l-fidi x’tagħtik?” – “Il-ħajja ta’ dejjem.” Il-fidi nirċevuha mingħand Alla permezz tal-Knisja.

F’dak il-mument, għal dawn il-persuni – issa msejħa katekumeni – jibda żmien ta’ edukazzjoni nisranija. Matul dan iż-żmien jisimgħu l-isbaħ aħbar: li Alla hu Missier li jista’ kollox, tant li jista’ jaħfer id-dnubiet; li dan Alla bagħat lill-Ibnu fid-dinja, li miet u qam mill-imwiet biex ifittex u jsalva l-mitluf; li l-Ispirtu s-Santu jista’ jgħammar fil-qlub tal-bnedmin u magħhom jagħmel opri kbar. Dan is-smigħ iħeġġeġ il-konverżjoni u jqanqal il-fiduċja tagħhom f’Alla. “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Dik il-fidi, li dejjem tibqa’ fil-bżonn li timmatura, twassal lill-katekumenu maġenb il-battisteru.

Dritt qabel ma l-katekumenu jirċievi l-Magħmudija, isirulu mistoqsijiet oħrajn: “Temmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox...?” – “Iva nemmen.” – “U f’Ġesù Kristu, Ibnu waħdieni u sidna...?” – “Iva, nemmen.” – “U fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja mqaddsa kattolika...?” – “Iva, nemmen.”  –  “Din hija l-fidi tagħna!” Huwa fuq dik l-istqarrija tal-fidi li tingħata l-Magħmudija lil dik il-persuna.Il-Magħmudija tingħata lil min jemmen, anki jekk dik il-fidi trid tkompli tikber. Fil-Vanġelu sikwit niltaqgħu ma’ mirakli li jagħmel Ġesù ma’ persuni li jemmnu fih, mirakli li juru simbolikament il-ħajja ġdida li jirċievi min jidħol f’kuntatt ma’ Ġesù: “Il-fidi tiegħek salvatek,” kien jgħidilhom wara (Lq 8:48a; 17:19b; 18:42); imma kien jistedinhom ukoll ikomplu jgħixu skont dik il-fidi: “mur bis-sliem” (Lq 8:48b; 17:19a; 18:43).

TARBIJA X'TAF?

Fil-każ tal-Magħmudija tat-trabi, dan kollu jġib mistoqsijiet oħrajn. Jekk il-Magħmudija titlob il-fidi, allura kif tingħata lil trabi li għad m’għandhomx ħila jagħrfu lil Alla, jifhmu l-imħabba tiegħu u jafdaw fih? Għaliex nagħtuhom il-Magħmudija meta dawn ma jafux x’qed jirċievu?

Bil-maqlub nistgħu nistaqsu: kemm hu importanti li tkun “taf” x’qed tirċievi? Meta tieħu mediċina, hu daqshekk importanti li tkun taf xjentifikament x’fiha dik il-mediċina? Jew hu aktar importanti li tfejqek? Meta tibda kors l-università, meta tibda xogħol ġdid, meta tibda relazzjoni ġdida – hu daqshekk importantli li tkun taf eżattament għal xiex dieħel? Jew hu aktar importanti li tgħix l-esperjenza li ssib ruħek fiha? Wara kollox, kemm hu tabilħaqq possibbli li tkun taf eżatt x’qed jiġri meta, eżempju, persuna tipproponilek date? Dak li qed jiġri tiskoprih wara, bil-mod il-mod.

Dan jgħodd aktar u aktar għall-fidi. Għandi jew m’għandix il-fidi ma jiddependix minn kemm naf jew ma nafx duttrina, minn kemm nifhem jew ma nifhimx x’qed jiġri. Studjuż prim tal-fidi nisranija jista’ ma jkunx jemmen; xi ħadd li ma jafx jgħidlek eżatt x’jiġri fil-konsagrazzjoni tal-ħobż u l-inbid, jista’ jkun jemmen u jikkomunika ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. Bl-istess mod, li tkun taf x’qed tirċievi fil-Magħmudija mhix l-iktar ħaġa importanti; hu aktar importanti li tgħix il-ħajja l-ġdida li tirċievi fil-Magħmudija. Din hija d-differenza l-kbira bejn Żakkarija u Marija: it-tnejn jirċievu aħbar kbira permezz ta’ anġlu mibgħut minn Alla; Żakkarija jitlob li jkun żgur minn dak li qallu l-anġlu, li jkun jaf eżatt x’se jirċievi (Lq 1:18); Marija titlob li tkun taf kif għandha tagħmel, kif għandha tgħix l-esperjenza li qed jipproponilha Alla (Lq 1:34). Żakkarija jispiċċa mbikkem; Marija tfaħħar il-kobor tal-Mulej, hi u tiskopri, bil-mod il-mod, x’kien qed jiġri eżatt fil-ħajja tagħha.

X’inhi eżatt din il-ħajja l-ġdida, it-tarbija tista’ tiskopriha wara, bil-mod il-mod, hi u tgħixha. Dan anki bl-għajnuna tal-ġenituri li ressquha għall-Magħmudija; kif Marija kellha l-għajnuna ta’ Eliżabetta, ta’ Xmuni x-xwejjaħ u ta’ oħrajn.

IL-FIDI HI TAL-KNISJA

Jibqa’ l-fatt li l-Magħmudija għandha tingħata wara stqarrija tal-fidi. Il-fidi, imma, mhix “tiegħi” biss imma hi wkoll “tal-Knisja”. Qabel il-Magħmudija, anki adult jistqarr il-fidi li hi tiegħu imma wkoll tal-Knisja, tal-insara kollha ta’ kull żmien u post. Aktar u aktar fil-Magħmduija tat-trabi, hija din il-fidi tal-Knisja, tal-ġenituri, tal-parrini li tbexxaq il-bieb biex Alla jaħdem f’dik it-tarbija.

Fil-Vanġelu niltaqgħu ma’ rakkonti ta’ mirakli ta’ fejqan li Ġesù jagħmel ma’ nies morda mhux tant għax huma, il-morda, jemmnu fih, imma għax ħaddieħor jemmen fih. Meta erbgħa min-nies jieħdu wieħed mifluġ quddiem Ġesù u jniżżluh quddiemu mis-saqaf minħabba l-folla, Ġesù jaħfirlu u jfejqu “meta ra l-fidi tagħhom” (Mk 2:5), jiġifieri l-fidi tal-ħbieb tiegħu. Hekk ukoll meta ċenturjun pagan jitlob lil Ġesù jfejjaqlu lill-qaddej tiegħu, Ġesù jagħmel dan il-miraklu fuq il-fidi taċ-ċenturjun mhux tal-qaddej marid (ara Mt 8:13). L-istess, meta Ġajru jitolbu jfejjaqlu lil bintu li tkun waslet fl-aħħar, Ġesù ma jitlobx il-fidi lit-tifla, imma lil missierha: “Tibżax, biss inti emmen” (Mk 5:36). Għall-fidi tal-ġenituri, Ġesù jagħti ħajja ġdida lil diversi wlied (Mk 9:17-27; Mt 15:21-28; Ġw 4:46-54).

Hekk jiġri fil-Magħmudija tat-trabi: “Tridu intom [ġenituri] li t-tarbija tagħkom tirċievi l-Magħmudija fil-fidi tal-Knisja li aħna lkoll, flimkien magħkom, għadna kemm stqarrejna?” It-tarbija tirċievi l-Magħmudija fil-fidi mhux tagħha imma tal-Knisja kollha.

Mill-ġdid, hi u titrabba f’din il-fidi, dik it-tarbija tibda tagħmel tagħha bil-mod il-mod dik il-fidi, tibda tgħid hi wkoll: “Jien nemmen, jiena kont maħbuba minn Alla qabel stajt ħabbejtu jien!”

ALLA ĦABBNA L-EWWEL

“U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu” (1Ġw 4:10a). Alla ħabbna qabel aħna stajna nagħrfuh u nħobbuh! Din hija waħda mill-ikbar differenzi fil-fidi tagħna. Maż-żmien kien hemm ħafna reliġjonijiet li pruvaw, b’riti u sagrifiċċji u mġiba meqjusa, bħal jiġbdu l-attenzjoni ta’ xi alla li donnu ma kellux moħħhom. Imma Alla tagħna, Alla l-veru, ġie jfittixna hu, lilna li donnu ma kellniex moħħu.

Il-Magħmudija tat-trabi turi biċ-ċar, aktar minn dik tal-adulti, din il-verità kbira dwar Alla: li kien hu li ħabbna l-ewwel (1Ġw 4:19), li riedna qabel ridnieh aħna, li fittixna qabel fittixnieh aħna, li l-imħabba tiegħu hija grazzja pura. Il-Magħmudija tat-trabi turi ċar li l-imħabba ta’ Alla lejna hi gratwita: ma jħobbniex għax aħna għamilnielu xi pjaċir, għax ġibna ruħna tajjeb, għax għaddejna minn xi eżami tad-duttrina, għax ħabbejnieh – ħabbna bla ma stenna xejn mingħandna, iħobbna bla ma jistenna xejn mingħandna.

U din l-imħabba gratwita ta’ Alla turi wkoll xi ħaġa oħra: kemm aħna ta’ min iħobbna. Jien m’iniex ta’ min iħobbni għax ġibt ruħi sew, jew għax naf xi ħaġa. Il-fatt li qabel ma tarbija setgħet kellha xi mertu diġà kienet meqjusa bħala persuna ta’ min iħobbha, juri kemm hi prezzjuża, u kemm il-valur tagħha ma jiġix mill-għemil jew l-għerf tagħha, imma mill-istess ħolqien tagħha, mill-fatt sempliċi li teżisti, li Alla riedha. U aktar u aktar mill-fatt li Alla bagħat lil Ibnu biex jifdina b’demmu. “Bil-għoli kontu mixtrija!” (1Kor 6:20).

IL-ĦELSIEN TA' WLIED ALLA

Bil-Magħmudija, l-Ispirtu s-Santu jdaħħalni fid-dar ta’ Alla bħala ibnu, bintu. “Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba! Missier!’ Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati” (Rum 8:15-17).

L-Ispirtu s-Santu jagħmilna wlied adottivi ta’ Alla. Fi żmien San Pawl, li qed jikteb din il-frażi, kien komuni li imperatur jadotta lil xi ħadd bħala ibnu biex imbagħad jgħaddilu l-imperu tiegħu. L-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla hija hekk: hu ħadna minn ħajja vojta ta’ lsiera biex jagħtina ħajja ħielsa ta’ wlied, biex iħobbna bħalma jħobb lil Ġesù, biex jagħtina l-wirt miegħu (1Pt 1:18-19). Stmana tant li ried jafdana “bil-kunjom” tiegħu, bil-fama tiegħu; ried li nkunu aħna, uliedu, li nuru lid-dinja kemm hu, Missierna, kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar (Mt 5:16).

KONTRA S-SETGĦAT TAL-ĦAŻEN

L-Ispirtu s-Santu mhux biss jagħmilna wlied, imma wkoll jixhed li aħna wlied. Fil-qalb tagħna hemm kawża miftuħa kontra Alla u kontrina. Ix-Xitan jixlina li aħna m’aħniex kapaċi jew li m’aħniex ta’ min iħobbna; u jixli wkoll lil Alla li hu kattiv u mhux ta’ min jafdah. Din l-akkuża jew twerwirna u tbaxxina, jew tinbidel fi kburija u egoiżmu; hija l-għerq tal-ġibda tagħna lejn il-ħażen, l-agħar konsegwenza tad-dnub tan-nisel.

Kontra din l-akkuża, jixhed l-Ispirtu s-Santu li hu l-Avukat Difensur tagħna (Ġw 14:16). Hu jixhdilna li Alla hu Missier u li aħna wliedu tassew; ifakkarna fi Kristu msallab li hu l-aqwa xhieda tal-imħabba tal-Missier, tal-maħfra tad-dnubiet u tal-valur tagħna. Kontinwament imieri r-raġunijiet kollha li minħabba fihom nagħżlu l-ħażen flok it-tajjeb; kontinwament iqanqalna għat-taqbida kontra s-setgħat tal-ħażen (Ef 6:12).

OKKAŻJONI LI NĦOBB

Bil-Magħmudija, l-Ispirtu s-Santu jdaħħalni wkoll fil-komunjoni tal-Knisja. F’din il-ġlieda tiegħi m’iniex waħdi, imma għandi “sħaba kbira ta’ xhieda” (Lhud 12:1), għadd kbir ta’ alleati, għadd kbir ta’ aħwa.Il-Knisja hija r-rebħa fuq is-solitudni; hija l-miraklu l-kbir, il-barka l-kbira tal-aħwa li jgħammru flimkien (S 133:1; Atti 2:44-47). Hu sabiħ li tkun maħbub; hu isbaħ li tħobb.Il-Knisja tlaqqagħni ma’ ħuti u tagħtini okkażjoni biex inħobb.

Il-mentalità tad-dinja tqassam il-bnedmin f’kategoriji differenti: sinjuri u foqra, nies li jikkmandaw u nies li jobdu, nies li ħaqqhom u nies li ma ħaqqhomx. Imma bil-Magħmudija, minkejja li kulħadd hu differenti, kulħadd hu meqjus tassew bl-istess dinjità: “Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:26-29). Fil-Knisja ninduna li jien speċjali, mhux għax għandi xi ħaġa iktar mill-oħrajn, imma għax nista’ nħobb lill-oħrajn b’mod li hu tiegħi, b’mod li hu speċjali.

Share to