Għaliex għandi bżonn il-Knisja biex ngħix il-fidi?

22 July 2025 | Written by Dun Michael Grima (mill-ktieb "Nemmen, imma..." ta' Dun Franklin Micallef)
(It-Tielet kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")

 

Jekk il-fidi tiegħi ngħixha waħdi mhux biżżejjed? Lil Alla nkellmu fis-skiet ta’ qalbi u ngħix il-fidi fl-azzjonijiet li nagħmel. Għaliex allura hemm bżonn l-istruttura tal-Knisja? Il-Knisja mhix perfetta. Għamlet żbalji fil-passat u għadha tiżbalja. Allura lili kif tista’ tgħinni fil-mixja tiegħi?

Hi ħaġa mill-isbaħ li wieħed, speċjalment jekk huwa żagħżugħ, jagħżel li jgħix skont il-fidi tiegħu permezz tal-opri tal-karità u li jsib il-ħin biex jitlob u jitkellem ma’ Alla fis-skiet ta’ qalbu. Ġesù stess qalilna sabiex “meta titlob, tidħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, tagħlaq il-bieb warajk, u titlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:6). L-istess kliem qal fuq l-opri tal-karità u l-għotjiet tagħna. Hu fil-fatt stedinna sabiex inwettquhom fil-moħbi u fis-skiet.

Għaldaqstant tqum weħidha l-mistoqsija rigward is-sens u l-ħtieġa ta’ fidi mgħixa flimkien u maqsuma mal-oħrajn. X’sens għandha l-Knisja f’dan kollu jekk kemm-il darba Ġesù stedinna qabel kollox biex nikbru personalment fir-relazzjoni miegħu? Dan wieħed jistaqsih speċjalment meta b’dispjaċir jintebaħ li anki l-Knisja wettqet l-iżbalji tagħha!

Dak li qalilna Ġesù huwa minnu. Ix-xewqa għal Alla tikber f’qalbna u hi stess tħeġġiġna noħorġu minna nfusna u nħarsu ’l hinn minn dak li hu immedjat. Aħna ġejna maħluqa biex inħarsu ’l fuq u nsiru nafu lil dak li ħalaqna. Fil-fatt, dak li għandna f’idejna ma jissodisfaniex sal-aħħar. Nagħmlu minn kollox biex inkabbru l-ġid tagħna: nistudjaw, naħdmu, nikkomunikaw mal-oħrajn, nibnu, infittxu interessi tagħna, nikkultivaw relazzjonijiet, napprezzaw is-sbuħija... Donnu qalbna qatt ma għandha xaba’!

KULL BNIEDEM JEĦTIEĠ ORIZZONT LEJN XIEX IĦARES

Innota ftit lilek innifsek... X’inhu dak li jġiegħlek tqum minn ġos-sodda filgħodu? X’inhu dak li jimmotivak fil-mumenti ta’ qtigħ il-qalb? X’inhu dak li jagħtik il-kuraġġ li tiġġieled sal-aħħar fl-isfidi tiegħek? Dan kollu “jixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa” (Mt 13:44). It-teżor huwa dak li għalih int lest tbigħ kollox, dak li f’ħajtek jagħmlek kuntent u li jimmotivak biex filgħodu tibda l-ġurnata tiegħek. Tifhem għalhekk li flok ‘teżor’ nistgħu npoġġu l-kelma ‘alla’. Bħal alla, it-teżor jieħu l-ewwel post f’ħajtek. Mal-ġurnata ssibek ħafna drabi titkellem fuq dan alla tiegħek. Hu jinsab wara kull għażla tiegħek. Jiġrilek spiss li saħansitra titkellem miegħu, daqslikieku qed titlob... Dan ma tagħmlux bilfors billi tlissen il-kliem, imma anki bil-ħsibijiet tiegħek. Fil-fatt, insibu fil-Vanġelu li “fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll!” (Lq 12:34).

Kollna kemm aħna neħtieġu teżor f’ħajjitna. Mingħajru ma jkollniex saħħa nżommu sħiħ fil-għażliet tagħna. Kull wieħed minna jbigħ kollox sabiex jiksbu. Donnu, iżda, li l-ebda teżor ma jimlielna qalbna għalkollox, anzi xi kultant jista’ jiġri li nħossuna ttraduti u delużi. Għal xi wħud, pereżempju, dan it-teżor huwa x-xogħol jew il-professjoni tagħhom. Jista’ jiġri li dan, minħabba diversi raġunijiet, ma jibqax jissodisfa lill-persuna. F’dan il-mument hija tiġi deluża u tinduna li dan ma jistax ikun aktar l-alla tagħha. Teżori oħra jistgħu jkunu l-ġenituri tagħna, il-mara jew ir-raġel tagħna, jew uliedna, imma anki f’dan il-każ, għalkemm wieħed ikun iħobb ħafna, jinduna li l-persuna l-oħra hija bniedma bħalu, mhix alla u għaldaqstant ma tistax tkun ‘it-teżor’ aħħari ta’ ħajtu.

ALLURA JEŻISTI XI ĦADD LI JISTA' JOFFRILI SOLUZZJONI DEJJIEMA?

Nindunaw għalhekk li l-problema prinċipali ma tirrigwardjax jekk wieħed jemmen jew ma jemminx; jitlob jew ma jitlobx, imma tittratta l-identità tal-alla li jiena nqim. Lil min se nitlob? Ma’ liema alla se nitkellem? Jekk l-ebda teżor li nagħżel ma jissodisfani għalkollox, nistaqsi, jeżisti Alla li huwa veru u li kapaċi jirrispondi għall-bżonnijiet kollha tiegħi?

Din il-mistoqsija mhijiex ġdida għall-bniedem. Fl-Atti tal-Appostli San Pawl jirrakkonta li darba żar Ateni fejn iltaqa’ mal-Griegi, nies li fi kliemu kienu reliġjużi ħafna. Huma kienu wkoll nies intellettwalment onesti tant li ammettew pubblikament li weħidhom ma waslux li jsiru jafu lil dan Alla li seta’ joffri risposta aħħarija għall-mistoqsijiet tagħhom. Għaldaqstant, għażlu li fl-Arjopagu jiddedikaw artal lil dan ‘Alla Mhux Magħruf’. Jistqarr Pawlu: “Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll artal b’din il-kitba fuqu: ‘Lil Alla Mhux Magħruf’. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien” (Atti 17:22-23).

Kif kellu l-wiċċ Pawlu jgħid lill-Griegi, nies għorrief ħafna, li huwa jaf lil Alla li huma ma kinux jafu? Min kien Pawlu u minn fejn kisbu dan il-għerf? Pawlu kien Lhudi u għalhekk kien jaf li tul l-istorja Alla fetaħ qalbu mal-Poplu, wera lilu nnifsu u tkellem mal-bniedem. Dan Alla, magħruf bħala Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb, ma kienx obbligat jagħmel dan, iżda minħabba l-imħabba tiegħu għażel li jirrivela lilu nnifsu. Anki fir-relazzjonijiet tagħna tiġri xi ħaġa simili. Aktar ma nħobb lill-persuna, aktar inkun nixtieq insir naf dettalji dwarha, anzi nkun irrid insir nafha dejjem aħjar. Fl-istess waqt tinbet f’qalbi x-xewqa li l-persuna l-oħra ssir tafni dejjem aktar. Alla ma riedx jibqa’ ‘Mhux Magħruf’ imma xtaq li l-bniedem isir jafu mill-qrib, tant li xtaq ikun alleat u ħabib tiegħu.

Fit-Testment il-Qadim u fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael Alla wera lilu nnifsu bħala s-Salvatur u l-Ħallieq, dejjem fidil fi kliemu. Dan għamlu anki jekk l-umanità tbiegħdet minnu permezz tad-dnub. Għal-Lhud kien ċar li dan ‘Alla Mhux Magħruf’ kien Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb, jiġifieri dak Alla li mexa magħhom b’fedeltà tul l-istorja kollha tagħhom. Iżda Pawlu ma kienx biss Lhudi. Huwa kien ukoll Kristjan, membru tal-Knisja, Appostlu ta’ Ġesù Kristu. Kien jemmen għalhekk li “meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal 4:4-5).

F’Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja, sar bniedem bħalna, hekk li stajna nsiru nafuh mill-qrib. Alla, fi Kristu, qalilna kollox fuqu nnifsu, tant li min jisma’ lil Ġesù jista’ jsir jaf tassew lil Alla. Min isir jaf lil Alla ta’ Ġesù Kristu jiskopri teżor li jbiddillu ħajtu mill-qiegħ u li jsalvah. Hu jippreżenta lilu nnifsu lill-bniedem bħala dak Alla veru li jifdi u li jirbaħ il-ħażen. Min jilqa’ lil Ġesù Kristu f’ħajtu hu mistieden biex ikollu fidi fih.

XI TFISSER IKOLLOK FIDI FI KRISTU?

Qabel kollox, il-fidi hija għarfien u fiduċja. Hu Alla li jsawwab dan id-don sopranaturali fil-bniedem. Permezz tiegħu aħna nistgħu nifhmu dejjem aktar min hu Alla ta’ Ġesù Kristu, nafdawh dejjem aktar u naġixxu skont il-kelma tiegħu. Fil-fatt, il-fidi tilħaq il-milja tagħha fl-għajxien tal-imħabba. Jidher ċar li, jekk min-naħa l-fidi hija don ta’ Alla, min-naħa l-oħra titlob minna risposta. Nistgħu ngħidu li l-fidi hija rigal, u għalhekk tippreżenta ruħha bħala invit divin li jeħtieġ aċċettazzjoni libera u konxja tal-persuna, hekk biss ikun jista’ jħalli l-frott mixtieq. Suġġestiva hija x-xbieha li juża l-Apokalissi biex jispjegalna din id-dinamika tal-fidi u tar-relazzjoni ma’ Ġesù Kristu: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat, jgħid ix-Xhud fidil u veru; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (Apok 3:20).

LIEMA HUMA L-ISTRUMENTI LI GĦANDNA BIEX NIKBRU FIL-FIDI?

Aħna nistgħu nirċievu l-fidi meta nittallbuha. Il-Mulej mhux se jċaħħadna minn dan id-don tant neċessarju għall-ħajja tagħna. San Pawl, fl-ittra lir-Rumani, joffri lista ta’ strumenti meħtieġa biex wieħed jikber fil-fidi. “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva. Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (Rum 10:13-15).

Din ir-riflessjoni Pawlina hi sinifikattiva ħafna għalina li qed nirriflettu fuq il-missjoni tal-Knisja u fuq l-iskop tagħha fil-konfront tal-fidi personali ta’ kull wieħed minna. Ġie affermat fil-bidu: Jien lil Alla nkellmu fis-skiet ta’ qalbi u ngħix il-fidi fl-azzjonijiet li nagħmel. Għaliex allura għandi bżonn l-istruttura tal-Knisja? Jekk tonqos il-Knisja, min se jxandrilna lil Kristu, min se jwasslilna l-Kelma tiegħu? Pawlu jkompli: “Il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Il-fidi, fil-fatt, tikber fuq kollox bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u bid-djalogu fit-talb ma’ Alla.

IEQAF AĦSEB FTIT.

QATT XI ĦADD TWIELED DIĠÀ JAF MIN HU ĠESÙ?

Ġralikx int ukoll, bħalma ġara lill-maġġoranza tagħna, li xi persuni, bil-mod il-mod, laqqgħuk ma’ Ġesù, irrakkuntawlek ħajtu u kliemu? Min kienet l-ewwel persuna li kellmitek dwaru, li laqqgħatek miegħu? Qabel tela’ s-sema Ġesù fada lill-Knisja, irrappreżentata mill-Appostli, il-missjoni tagħha: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 13:16). Ġesù bagħat lill-Appostli sabiex l-ewwel u qabel kollox jagħmlu mill-poplu dixxipli tiegħu permezz tal-predikazzjoni. B’dan il-mod it-Tnax kellhom iqanqlu l-fidi fin-nies li jiltaqgħu magħhom. Ma kienx dan li għamlu miegħek il-ġenituri tiegħek, jew in-nanniet, il-katekisti jew is-saċerdoti xħin kellmuk fuq Ġesù u rripetew il-kliem tiegħu miegħek? Din hi l-missjoni prinċipali tal-Knisja, ħidma essenzjali, għax mingħajrha llum il-bniedem ma jistax jiltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù.

U MIN HI L-KNISJA?

F’moħħok forsi jiġuk il-Papa, l-isqfijiet, is-saċerdoti, il-patrijiet u s-sorijiet. Forsi tiftakar fil-persuni msejħin ‘tal-knisja’, għax dejjem il-knisja. Jew inkella tista’ tiftakar fil-binja, li tissejjaħ ukoll ‘knisja’. Jekk meta ngħidu ‘Knisja’ nifhmu biss dan il-grupp ristrett ta’ nies, hi faċli l-akkuża ta’ inkoerenza. Dawn in-nies jitpoġġew hekk fuq pedestall għat-tifħir u t-tmaqdir tal-oħrajn daqslikieku l-missjoni li jxandru lil Ġesù hija biss tagħhom, mentri l-bqija jibqgħu passivi. Min jgħid hekk probabbilment ikun jaħseb li “l-Knisja huma dawk u mhux jien. Huma n-nies li ħallew kollox u għażlu li jgħixu ħajja pura, mentri jien, min-naħa l-oħra, m’iniex kapaċi, għalhekk inħalli f’idejhom biex jitolbu huma għalija. Jien għandi inkwiet ieħor xinsolvi”.

Fil-Knisja m’hemmx id-diviżjoni bejn dawk u aħna! L-istess kelma ‘Knisja’ tfisser l-assemblea, miġemgħa waħda ta’ dawk li huma msejħin. Kull min hu mgħammed u jemmen f’Alla, hu msejjaħ minn Alla sabiex jipparteċipa fil-missjoni tal-Knisja. Flimkien aħna nissejħu ‘l-Knisja’, il-komunità li temmen, fejn kull mgħammed huwa magħqud flimkien ma’ oħrajn f’din il-fidi waħdanija.

L-eżistenza tal-Knisja tikkonferma li Alla ma riedx jifdina individwalment imma flimkien. L-akbar sinjal tal-preżenza ta’ Alla hu proprju l-għaqda fl-imħabba, tant li fl-Atti tal-Appostli nsibu ripetut bħal f’mantra li “l-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4:32). Din l-unità ta’ bejnietna mhix frott il-kapaċità tagħna. Mhix għalhekk għaqda li titnissel mill-fatt li naħsbuha bl-istess mod! Hu Alla li jgħaqqad l-umanità kollha f’poplu wieħed.

Il-fatt li Alla ma riedx isalvana weħidna, imma flimkien, tirrifletti verità profonda tal-bniedem. Ħafna minna nsofru minħabba s-solitudni. Diġà fil-ħolqien tinħass il-preżenza ta’ dan l-uġigħ, tant li Alla stqarr: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18). Ħadd ma jista’ jsalva waħdu! Ftakar ftit fl-esperjenza iebsa tal-pandemija tal-COVID. Papa Franġisku, fis-27 ta’ Marzu 2020, fl-eqqel ta’ dik it-traġedja, kien ħareġ waħdu fil-Pjazza tal-Vatikan u fakkarna li “ndunajna li ninsabu f’dgħajsa waħda, ilkoll fraġli u mifxulin, imma fl-istess waqt importanti u bżonjużi”. Ħadd minna ma seta’ jsalva waħdu, kellna bżonn ta’ xulxin!

Alla nnifsu huwa Trinità, għaldaqstant komunjoni fih innifsu, skambju etern ta’ mħabba. Il-bniedem, maħluq xbieha tiegħu, hu msejjaħ għar-relazzjoni, għall-iskambju, għall-kondiviżjoni u għall-imħabba. Il-Knisja msejħa tkun xhieda awtentika ta’ din il-verità. “Jeħtieġ li nsalvaw flimkien. Hemm bżonn nersqu lejn Alla flimkien u flimkien immorru għandu... X’jgħidilna kieku Alla jekk xi wħud minna jmorru lura għandu mingħajr l-oħrajn?” (Charles Péguy). Aħna lkoll responsabbli wieħed tal-ieħor u mill-fidi ta’ xulxin. Fil-fatt, “bħalma xemgħa tiġi mixgħula mill-fjamma ta’ xemgħa oħra, bl-istess mod il-fidi tiġi mkebbsa mill-fidi” (Romano Guardini).

IL-KNISJA MSEJĦA TWETTAQ MISSJONI DIVINA

Il-Knisja hi msejħa taġixxi kif Ġesù nnifsu aġixxa. Madankollu, min fostna hu onest, iħares fil-mera u jistqarr li huwa dgħajjef u li għadu ma wasalx li jkun bħal Ġesù. Jekk il-Knisja hi magħmula minn nies dgħajfa, bħali u bħalek, kif tista’ qatt twettaq b’mod sħiħ il-missjoni li fdalha l-Mulej? Quddiem din il-verità wieħed jaħbat jaqta’ qalbu...

Imma hemm verità oħra li jeħtieġ nieħdu inkonsiderazzjoni! San Pawl ukoll sab ruħu jikkumbatti mad-dgħufija tiegħu u stqarr li “m’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rum 7:19). Ħadd minna mhu dehen li jwettaq il-missjoni li Kristu fada lill-Knisja! Ġesù Kristu kien jafu dan meta għażel lit-Tnax, tant li qabel tela’ s-sema wegħidhom don importanti li għadu jakkumpanjana sal-lum, l-Ispirtu s-Santu. “Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 16:13). Dan hu d-don tal-grazzja li jaħdem fina, strumenti dgħajfa, u permezz tagħna Kristu għadu jasal għand il-bniedem illum. Għaldaqstant, jinkoraġġina l-kliem li Alla qal lil Pawlu, f’mument ta’ qtigħ il-qalb quddiem dgħufitu: “biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2Kor 12:9).

IL-KNISJA KIF TISTA' TGĦINNA NAGĦMLU ESPERJENZA KONKRETA TAL-QAWWA TA' ALLA?

Kristu hu r-Ras tal-Knisja u aħna l-membri tal-ġisem tiegħu. Dan ifisser li anki llum, hu għadu jaġixxi fil-Knisja u flimkien magħha. L-akbar sinjal ta’ dan huma s-sagramenti, sinjali viżibbli istitwiti minn Kristu, li jagħtuna l-possibilità li nilqgħu bil-persuna kollha tagħna l-grazzja inviżibbli. Grazzi, prinċipalment, għas-seba’ sagramenti, l-Insara jistgħu jiltaqgħu u jmissu lil Ġesù, hekk li jagħmlu esperjenza tal-fejqan, tal-maħfra, tan-nutriment u tat-tisħiħ li jaf jagħti hu nnifsu. Kif il-Lhud raw, semgħu u messew lil Ġesù, permezz tas-sagramenti, anki int illum tista’ tiltaqa’ ma’ Alla u tirċievi d-doni kollha li huwa jixtieq jagħtik.

Kristu għażel li jafda s-sagramenti lill-Knisja tiegħu. Huwa d-dmir tagħha li tamministrahom u li tħarishom. Ġesù fada kliemu u s-sinjali li wettaq lil grupp speċifiku, lill-Appostli, li kellhom jibqgħu jgħadduhom lill-oħrajn. Huma ħallewhom f’idejn l-isqfijiet suċċessuri tagħhom u hekk waslu lilna llum. Is-sagramenti jeżistu għalhekk għall-Knisja u permezz tal-Knisja.

Ġib quddiem għajnejk l-eżempju tad-don tal-Ewkaristija. Kif seta’ qatt jasal għandek li kieku Ġesù Kristu ma fdahx f’idejn il-Knisja u li kieku hija ma qagħditx attenta biex twasslu lilek anki llum? Anki dan hu rigal kbir li jsaħħek fil-fidi tiegħek fi Kristu! Mhux ta’ b’xejn li teologu importanti tas-seklu XX stqarr: “Il-Knisja hija mara anzjana, kollha tikmix, imma hija ommi. Ma nagħti qatt id-dritt lil ħadd li joffendi lil ommi!” (Karl Rahner meta kienu jikkritikaw lill-Knisja fil-preżenza tiegħu). Il-Knisja hija anki ommok li hi msejħa li ssostnik fil-ħtiġijiet tiegħek u fuq kollox għandha l-istrumenti meħtieġa biex twettaq dan.

Min-naħa l-oħra, anki hawn jeħtieġ li noqogħdu attenti. Jeżisti r-riskju li wieħed jikkunsidra s-sagramenti bħala riti maġiċi. Huwa minnu li l-grazzja ta’ Alla taħdem fejn hemm id-dgħajjef, imma daqstant ieħor huwa minnu li l-grazzja ta’ Alla trid tagħmel minn kull wieħed minna membru attiv tal-Knisja. Jeħtieġ għalhekk li aħna nifhmu u naċċettaw bil-fidi d-doni li Alla jixtieq joffrilna permezz tas-sagramenti. Dan ifisser li jekk is-sagramenti min-naħa isaħħu l-fidi tagħna fi Kristu, min-naħa l-oħra jesiġuha.

AGĦMEL KURAĠĠ, M'INTIX WAĦDEK

Għażiż ħija, speċjalment int li int żagħżugħ, li għażilt li tgħix magħqud ma’ Alla u li skoprejt fil-fidi f’Ġesù Kristu d-dawl tal-ħajja tiegħek, agħmel kuraġġ, għax Ommok il-Knisja u ħutek il-membri tagħha, huma l-alleati tiegħek f’din il-mixja.

Għalkemm il-Knisja hija dgħajfa, il-missjoni tagħha u d-doni li ġew imħollija lilha minn Kristu, jagħmlu minnha Knisja qaddisa. Fi kliem San Pawl: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna” (2Kor 4:7). Jekk int tinfixel hekk kif tagħmel l-esperjenza tal-‘fuħħar’ tal-Knisja, nistiednek temmen li hemm ‘teżor’ prezzjuż moħbi wara dik id-dgħufija. Il-Knisja mhix għalhekk sempliċi istituzzjoni, bħalstrutturi umani oħra, imma hija wkoll misteru, uman min-naħa, imma fl-istess waqt divin. Kif Ġesù Kristu, fil-missjoni tiegħu, għamilha dejjem mal-midinbin, hekk ukoll illum għażel li jibqa’ jaħdem u joqgħod mal-membri midinbin tal-Knisja. Il-misteru tal-Knisja tnissel fl-għaqda inseparabbli bejn l-uman u d-divin, li deher meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Nistgħu naċċettaw dan kollu jekk biss nagħżlu li nħarsu lejh bil-għajnejn tal-fidi.

Share to