X’hemm eżatt wara l-mewt?
(L-Għaxar kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")
Donnu din tal-purgatorju, il-ġenna u l-infern tinstema’ qisha xi ħaġa tat-tfal li l-iskop tagħha li tbeżżagħna biex ma nagħmlux il-ħażin. Jinstemgħu qishom affarijiet li kienu jiġu mgħallma fid-duttrina ħafna snin ilu. Għaliex għandi noqgħod inħabbel rasi fuq dawn l-affarijiet fil-verità? X’nifhmu meta ngħidu li hemm ħajja wara l-mewt? U dan kif jaffettwa l-mod ta’ kif ngħix ħajti llum?
L-Eskatoloġija hi kelma tqila. Mhux biss għax hi kkumplikata, imma għax tirreferi għal ħwejjeġ li huma tqal biex nifhmuhom: il-mewt, il-ġenna, l-infern, il-ġudizzju, u dak kollu relatat mal-ħajja wara l-mewt.
Jien m’iniex ser jitkellem fuq dan, iżda. Ser nitkellem fuq l-esperjenzi tagħna fuq din in-naħa tal-mewt. Mhux għaliex dak li jiġi wara l-mewt mhux importanti. Imma għaliex biex nitkellmu fuq għada, jeħtieġ li nibdew mil-lum. Biex nifhmu l-ħajja wara l-mewt, jeħtieġ li nibdew mill-ħajja qabel il-mewt.
Il-preżent huwa tieqa fuq il-futur. U dak li nistaqsu llum jikxef dak li naħsbu fuq għada. Proprju għalhekk nixtieq nitlaq minn mistoqsija attwali ħafna, il-mistoqsija dwar il-ġeneru. Mad-daqqa t’għajn, din il-mistoqsija ma għandha xejn x’taqsam mal-ħajja wara l-mewt. Fil-verità, jekk tneħħi l-qoxra ta’ barra, dan id-dibattitu jikxef preokkupazzjonijiet ħafna aktar fundamentali u universali.

MIN HU L-BNIEDEM, ILLUM?
Fil-kultura kontemporanja għaddej dibattitu jaħraq u kontroversjali fuq il-ġeneru, fuq jekk l-identità tal-bniedem hijiex limitata għall-identità sesswali ta’ ġismu. Il-fatt li għandek ġisem ta’ raġel jagħmlek bilfors raġel? Kif wieħed jista’ jimmaġina, dan hu dibattitu li jitlaq minn diversi sitwazzjonijiet ta’ tbatija, u li għandu konsegwenzi kbar fil-politika, fil-filosofija, it-teoloġija, u anke fil-kultura ġenerali. Il-bniedem hu bilfors raġel u mara? L-identità tal-persuna hija bilfors limitata mill-morfoloġija ta’ ġisimna? Il-vuċijiet l-aktar liberali - bħalma hija l-filosofu Judith Butler (Butler, Who’s afraid of Gender?) - qed jisħqu li l-identità tal-bniedem ma għandhiex tiġi limitata mill-ġisem. Min-naħa l-oħra, il-vuċijiet aktar konservattivi jargumentaw li l-ġisem għandu rwol fundamentali fil-kostituzzjoni tal-identità tagħna. Il-ġisem, flimkien ma’ elementi oħrajn f’ħajjitna, jagħmilna dak li aħna.
X’għandu x’jaqsam, iżda, dan kollu mal-eskatoloġija? Għandu x’jaqsam ħafna. Irrispettivament minn liema naħa tad-dibattitu wieħed jieħu, fundamentalment il-kwistjoni dwar il-ġeneru hija mod ieħor ta’ kif nifhmu l-limiti tagħna l-bnedmin. Wieħed jista’ jagħmel parafrażi tal-mistoqsija dwar il-ġeneru billi jgħid: Għalfejn il-bniedem fl-identità tiegħu għandu jkun limitat mill-ġisem tiegħu? Għalfejn l-identità tagħna għandha tkun limitata minn żewġ possibiltajiet: jew raġel jew mara?
Il-mistoqsija dwar il-ġeneru hija mistoqsija dwar il-limiti tal-bniedem, u dwar jekk il-bniedem għandux iħalli lilu nnifsu jiġi ddeterminat minn dawn il-limiti. Dan hu dak li hu moħbi taħt din il-mistoqsija. Naturalment din ma hijiex mistoqsija ġdida, anzi hija mistoqsija antika daqs il-bniedem. Huma d-dettalji li jagħmlu din il-mistoqsija ġdida, l-għerq tagħha, iżda, ġej minn mistoqsija li kull bniedem iġorr f’qalbu: Kif ngħix mal-limitazzjonijiet?
IKKUNDANNATI GĦAL-LIMITAZZJONIJIET?
Il-filosofu Franċiż Jean-Paul Sartre jitkellem mill-bniedem ikkundannat li jkun liberu. Fil-każ tagħna, nistgħu ngħidu li l-bniedem huwa kkundannat li jkun limitat. Din hija kundanna li aħna nbatu biex naċċettawha. Id-dibattitu fuq il-ġeneru huwa (anke) protesta kontra l-limitazzjonijiet. Il-bniedem huwa aktar minn sempliċi ġisem. Il-bniedem ma jridx ikun limitat minn ġismu. U mhux id-dibattitu dwar il-ġeneru biss jikxef dan!
Ħajjitna hija mimlija frustrazzjonijiet u insodisfazzjonijiet varji kkawżati mil-limiti li aħna nesperjenzaw. Naturalment, ħafna drabi dan nagħmluh b’mod inkonxju, imma inkonxju ma jfissirx inqas importanti. Ħafna mill-emozzjonijiet negattivi li ngħixu, huma frott dan l-insodisfazzjon profond. Aħna kontinwament nitqabdu mal-limitu, anke jekk dan ma nafuhx. Aħna frustrati għax nixtiequ nagħmlu aktar, inkunu f’aktar postijiet, naħdmu aktar, ingawdu aktar, nistrieħu aktar, nakkwistaw aktar. U kontinwament nindunaw li aħna limitati minn ġisimna, mill-ħin, mill-abilitajiet tagħna, mit-talenti tagħna.
Aħna kkundannati li nkunu limitati. Hija din il-kundanna li qed tiġi diskussa fil-kwistjoni dwar il-ġeneru. Hija din il-kundanna għal-limitazzjonijiet li aħna nipprotestaw kontriha bir-rabja, bil-frustrazzjoni, bil-biki kull darba li nġarrbu l-falliment f’ħajjitna. Din il-protesta nagħmluha kontra kull limitu, imma b’mod speċjali kontra l-ikbar limitu: il-mewt.
L-IKBAR LIMITU
Il-mewt hija l-akbar limitu. Filwaqt li l-fallimenti l-oħra dejjem b’xi mod jew ieħor jagħtuna ċans ieħor, il-mewt tgħidilna: ‘issa daqshekk’. Hi tfakkarna li aħna finiti, li nispiċċaw, li dak li nagħmlu u dak li aħna għandu expiry date.
Dan il-limitu l-kbir jikkundizzjona kulma nagħmlu, għaliex aħna kontinwament ngħixu mwerwrin mill-mewt: nafu li jiemna huma magħduda. Wieħed mill-ikbar filosofi tas-seklu għoxrin, Martin Heidegger, jitkellem mill-bniedem bħala esseri mixħut għall-mewt, u r-reazzjoni tagħna quddiem din il-verità hija t-terrur. Aħna mwerwrin mill-mewt, tant li f’ħajjitna nagħmlu minn kollox biex ninsew din il-verità. L-isplużjoni tal-plastic surgery fil-kultura kontemporanja hija sintomu ta’ dan. Aħna nixtiequ nikkonvinċu lilna nfusna li aħna ma nixjeħux. Imma d-dehra perfetta tixkef biża’ interjuri: nibżgħu nixjieħu, nibżgħu mmutu, nibżgħu nkunu limitati.
Fortunatament din hi biss naħa waħda tal-munita.
IX-XEWQA
Il-biża’ jikxef ukoll xewqa. Il-biża’ mill-limitu għandu naħa oħra tal-munita: ix-xewqa li ma nkunux limitati. F’kull bniedem hemm din ix-xewqa li ma jkunx finit, li ma jkunx limitat. Il-bniedem għandu l-kapaċità li jimmaġina u joħlom il-possibilità li jmur lil hinn mil-limitu, anke jekk jaf li dan mhux possibbli. Fi kliem ieħor, aħna għandna l-kapaċità li nimmaġinaw l-infinit – jiġifieri lil Alla – anke jekk nafu li aħna bnedmin u mhux allat.
Ħafna filosofi tkellmu fuq din ix-xewqa. Franz Kafka, pereżempju, jikteb li l-bniedem ‘ma jistax jgħix mingħajr fiduċja permanenti f’xi ħaġa indistruttibbli preżenti fih innifsu […] waħda mill-espressjonijiet ta’ dawn l-elementi moħbija hija l-fidi f’Alla personali’ (Kafka, Die Zürauer Aphorismen). Oħrajn, iżda, jaraw din ix-xewqa għall-infinit bħala projezzjoni tal-bniedem fuq Alla. Hekk jaħsibha Ludwig Feuerbach, li jikkunsidra l-idea t’Alla bħala projezzjoni tax-xewqat tal-bniedem (Feuerbach, The Essence of Christianity).
Feuerbach għandu raġun. Aħna nipproġettaw ħafna affarijiet fuq Alla. L-immaġni li aħna għandna t’Alla hija ħafna drabi forma eżaltata ta’ dak li nixtiequ. Alla, ħafna drabi, jieħu l-forma tal-bniedem li nixtiequ nkunu.
Imma xi drabi anke l-illużjonijiet jikxfu verità. Ix-xewqat illużorji tagħna għandhom oġġett li huwa falz jew irrealizzabbli, però dan ma jfissirx li x-xewqa ma teżistix jew li mhix tikxef xi verità. Ix-xewqat għandhom jiġu kkunsidrati bis-serjetà. Dan tgħallimhulna il-psikoloġija u l-psikoanaliżi, fejn awturi fundamentali f’din id-dixxiplina, bħal Freud u Lacan, kitbu mijiet ta’ paġni fuq ix-xewqat tal-bniedem (Ara Lacan, Le Désir et son Interprétation). Ix-xewqat, anke jekk illużorji, jikxfu ħafna ħwejjeġ importanti fuq il-bniedem.
Fid-dawl ta’ dak li għandna kif għidna nistgħu allura ngħidu li l-bniedem huwa esseri finit li fih iżda għandu x-xewqa li ma jkunx finit. Il-bniedem huwa esseri limitat, li għandu l-kapaċità li jimmaġina esseri li hu bla limitu: Alla. Il-bniedem hu ħlejqa li tmut, imma kapaċi timmaġina l-possibilità ta’ ħajja lil hinn mill-mewt. Din hi verità. U din ix-xewqa, din l-immaġinazzjoni, din il-fantasija mhux ta’ min jarmihom. Anzi, ta’ min wieħed jeħodhom bis-serjetà, għaliex jikxfu xi ħaġa fudamentali fuqna.
MILL-PSIKANALIŻI GĦAT-TEOLOĠIJA
Ma hijiex biss il-psikanaliżi li tieħu bis-serjetà x-xewqat tal-bniedem. Anke t-teoloġija tinteressa ruħha. Fil-bidu għidt li l-eskatoloġija hija nteressata fl-affarijiet tal-aħħar. Però, l-affarijiet tal-aħħar ma jfissrux biss l-affarijiet ta’ wara l-mewt, imma jfissru wkoll il-mistoqsijiet aħħarija, jiġifieri l-mistoqsijiet l-aktar fundamentali. L-‘aħħar’ mhux biss dak li hu temporalment fl-aħħar, imma dak li hu l-aktar fond u kruċjali: the ‘ultimate’.
Ix-xewqa tagħna għall-infinit hija mistoqsija aħħarija. U t-teoloġija titkellem fuq dan.
Il-bniedem mhuwiex Alla. Meta l-bniedem jinsa li hu kreatura limitata, ikun qiegħed jagħmel lilu nnifsu bħal Alla, u jinsa d-differenza li hemm bejnu u bejn Alla. Imma fl-istess waqt, ix-xewqa li hemm fil-bniedem limitat biex jirbaħ il-limitu, biex jirbaħ il-finitudni, ma hijiex bla sens. Turi li fil-bniedem hemm xewqa għal Alla, xewqa għal dak li ma jgħaddix.
Importanti li wieħed jinnota differenza sottili imma fundamentali. Mhux qed nitkellmu iżjed mix-xewqa tal-bniedem biex ikun bħal Alla. Dik tkun sempliċi illużjoni. Imma x-xewqa għal Alla, ix-xewqa għal xi ħadd li huwa infinit, bla limitu.
Din ix-xewqa hi fina, f’kull wieħed u waħda minna. Hija tesprimi ruħha fix-xewqat iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Din il-verità ma tipprovax tbellgħalna l-gidba li l-limiti tagħna ma jeżistux. Dik tkun daqstant ieħor illużjoni. Imma tgħidilna li minkejja l-limiti, fina hemm ix-xewqa għal xi ħaġa, jew aħjar, għal xi ħadd li huwa ikbar minna u ikbar minn kwalunkwe limitu.
Irridu jew ma rridux, dik ix-xewqa hija fina, u hija xewqa vera għaliex tikxef xi ħaġa fuqna.

IMAGO DEI
Il-ktieb tal-Ġenesi jagħtina raġuni għalfejn fina hemm din ix-xewqa. Din mhix xewqa li waqgħet mis-sema, imma hija r-riżultat tal-fatt li aħna maħluqa fuq xbieha t’Alla. Fina, esseri finiti, hemm xi ħaġa minn dak li hu infinit, bla limitu. Hu proprju minn din is-similitudni bejna u bejn il-ħallieq, Alla, li toriġina x-xewqa tagħna għal Alla.
Numru ta’ teoloġi fis-seklu għoxrin tkellmu fuq din ix-xewqa għal Alla. Teoloġi varji, bħal Henri de Lubac, Karl Rahner, u Erich Przywara, ilkoll tkellmu fuq dan. Skont huma, fil-bniedem hemm ‘xewqa naturali għas-sopranaturali’ (de lubac), ‘ftuħ ’il fuq’ (Przywara), jew ‘orjentazzjoni lejn il-misteru’ (Rahner). U dan kollu ġej mill-fatt li aħna maħluqa fuq xbieha t’Alla. Aħna esseri finiti li fina hemm xi ħaġa infinita. U proprju għaliex fina hemm il-marka tal-infinit, li aħna ngħixu l-limitazzjoni b’tant frustrazzjoni, u nixtiequ mmorru lil hinn minn kull limitu, inkluż il-mewt.
Kwalunkwe ħaġa li nixtiequ hija diġà antiċipata fl-immaġinazzjoni tagħna. Id-dar jew il-karozza li qed infittex biex nixtri, diġà hija preżenti fl-immaġinazzjoni tiegħi, u jekk ma nimmaġinahiex, m’iniex kapaċi nixtieqha. Dan jgħodd għall-illużjonijiet, imma jgħodd ukoll għall-affarijiet vera. Il-fatt li nimmaġina xi ħaġa, ma jagħmilhiex neċessarjament mhux vera.
U dan japplika anke għall-infinit, jiġifieri għal Alla. Il-marka tiegħu diġà qiegħda fina, u proprju għalhekk kapaċi aħna nimmaġinaw l-infinit. Biex nixtiequ l-infinit, jeħtieġ li xi ħaġa minn dak li hu tal-infinit tkun diġà antiċipata fina. Inkella ma nkunux kapaċi nixtiquh.
Barra din il-marka oriġinali, irridu niftakru xi ħaġa oħra importanti: ix-xewqat tagħna huma mmudellati wkoll mill-esperjenzi tagħna. Hemm ħaġa komuni fl-esperjenza ta’ dawk it-teoloġi tas-seklu għoxrin li kitbu fuq ix-xewqa tal-bniedem għal Alla: l-esperjenza taż-żewġ gwerer dinjija. Kollha kemm huma ġew wiċċ imbwiċċ mal-qerda: il-bniedem li jeqred lill-bniedem. U madanakollu, f’dik is-sitwazzjoni ta’ qtigħ il-qalb, ta’ sfiduċja fl-umanità, huma rrealizzaw li l-bniedem huwa akbar minn hekk. Il-bniedem hu aktar minn esseri mixħut għall-mewt. Fil-bniedem hemm reżiljenza biex jgħix, u dik ix-xewqa ma jista’ jneħħiha ħadd. Qawwija daqs u aktar mill-mewt hija din ix-xewqa. Quddiem il-fataliżmu tal-gwerer dinjija, it-teoloġija Kristjana twieġeb bit-tama reali ta’ xi ħaġa akbar. Quddiem il-qerda tal-mewt f’Auschwitz, il-Knisja tirreaġixxi bil-fidi fil-qawmien fil-mewt.
IL-QAWMIEN FIL-MEWT
Aħna kollha mmutu. Imma xi ħaġa f’qalbna tgħidilna li dan l-ikbar limitu, il-mewt, huwa hu nnifsu limitat. Hemm xi ħaġa aktar u akbar. Din ix-xewqa l-aktar li toħroġ fil-beraħ hija kull darba li nġarrbu l-mewt ta’ xi ħadd li nħobbu. F’qalbna tqum il-protesta: ma jistax ikun! Din hi protesta u karba li mhix ġejja sempliċement mid-diqa u l-frustrazzjoni, imma mix-xewqa konvinta li hemm f’qalbna hemm xi ħaġa ikbar anke mill-mewt. Li tkun Nisrani mhuwiex wishful thinking. Li tkun Nisrani jfisser, iżda, thinking through your wishes: li tieħu x-xewqat tiegħek bis-serjetà, anke x-xewqa fundamentali quddiem il-mewt.
Imma li tkun Nisrani jfisser ukoll li temmen li din ix-xewqa ġiet trasformata fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Vanġeli jużaw ħafna dettalji biex jesprimu verità bażika ħafna: Kristu jgħix (Lq 24:23). Ix-xewqa ma għadhiex biss xewqa, imma saret realtà. Fi Kristu sirna nafu li x-xewqa li hemm fil-qalb tagħna mhix xewqa irrealizzabbli, u ddestinata li tibqa’ xewqa irrealizzata. Imma l-oġġett tax-xewqa tagħna, jiġifieri li nipparteċipaw fil-ħajja ta’ xi ħadd li hu bla limitu, diġà ġiet antiċipata lilna fi Kristu li jirbaħ l-ikbar limitu: il-mewt.
ILLUM U MHUX GĦADA
Ikun żball jekk nillimitaw din ix-xewqa li fuqha tkellimna għal għada li xi darba għad jiġi. Din ix-xewqa li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem taffettwa l-ħajja tagħna llum.
Din hija xewqa li tirrelativizza l-esperjenza tagħna fid-dinja. Li tirrelativizza ma jfissirx li twassal għar-relattiviżmu, fejn kollox hu l-istess u kollox jiswa l-istess. Li tirrelativizza jfisser li tinduna li ċerta affarijiet li jidhru bħala insuperabbli u assoluti, fil-verità ma huma insuperabbli u assoluti xejn.
Ix-xewqa għall-ħajja u l-infinit li hemm f’qalbna tfakkarna li l-ebda falliment, l-ebda esperjenza ta’ limitu – falliment fl-imħabba, fil-karriera, il-mard, jew saħansitra l-mewt – ma jistgħu ikissruna. F’qalbna hemm xewqa għal xi ħaġa ikbar, u xejn ma jista’ jneħħi dik ix-xewqa.
Imma din ix-xewqa tfakkarna wkoll li fid-dinja xejn ma hu assolut. L-idoli li aħna noħolqu biex jagħtuna sens ta’ sigurtà għad jgħaddu. U dan nafuh, għax f’qalbna dejjem nixtiequ xi ħaġa aktar. Għalfejn allura nikkuntentaw ruħna b’dak li huwa second best, u nieqfu nfittxu dak li tixtieq verament qalbna: l-infinit?
MIN HU L-BNIEDEM?
Mistoqsija kontroversjali bħalma hi dik tal-ġeneru, li tant taqsam l-opinjonijiet, tikxef verità li fuqha kulħadd jaqbel: aħna bnedmin eskatoloġiċi. Ħajjitna hija ddeterminata mill-mistoqsijiet aħħarija. Jew aħjar, aħna bnedmin eskatoloġiċi għax ħajjitna misjuqa mix-xewqa aħħarija: dik li bħala bnedmin limitati niltaqgħu ma’ dak li hu bla limitu. Naturalment mhux kulħadd jaqbel li din ix-xewqa tista’ tiġi rrealizzata, imma kulħadd jaqbel li fina hemm din ix-xewqa.
Min jemmen, iżda, jista’ jagħmel pass ieħor. Għalih u għaliha dak li hu aħħari u jikkundizzjona kull għażla, mhuwiex aktar it-tmiem bla bidu, jiġifieri l-mewt. Imma hija x-xewqa realizzabbli għal bidu li jmur lil hinn minn kull tmiem. Din hi x-xewqa li tiddetermina l-ħajja ta’ dawk li jemmnu. Fihom hemm ix-xewqa biex jgħixu u mhux biex imutu.
U din ix-xewqa diġà tikxef aħna min aħna, u min hu dak li ħalaqna. Alla tagħna ‘mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin’ (Lq 20:38) u proprju għalhekk poġġa fina x-xewqa li fih ngħixu għal dejjem.