Il-Ħażen u t-Tbatija min ħalaqhom? Għaliex ngħidu li nitwieldu bid-Dnub tan-Nisel?

5 June 2025 | Written by Dun Krystof Buttigieg (mill-ktieb "Nemmen, imma..." ta' Dun Franklin Micallef)
(It-Tieni kapitlu mill-ktieb "Nemmen, imma...")

 

Il-ħażen fid-dinja kif jeżisti jekk nemmnu li Alla ħalaq id-dinja u Alla huwa perfett u kollu tajjeb? Għaliex Alla jippermetti t-tbatija? Allura Alla verament jista’ kollox jew le? ... Id-dnub tan-nisel x’inhu eżatt? Kif nistgħu ngħidu li tarbija li għadha titwieled u li waħedha ma tista’ tagħmel xejn, diġà hija mċappsa bid-dnub?

Ma jistax ikun li qatt ma ġew f’moħħok mistoqsijiet bħal dawn. Għax anke jekk tkun agħmi wkoll jirnexxilek tara li jeżisti l-ħażen fid-dinja, u żgur ukoll li xi darba batejt minn xi tip ta’ ħażen. U meta ġejt milqut fil-laħam il-ħaj żgur li ġiek f’rasek il-ħsieb: fejn hu Alla? Jekk jeżisti għalfejn ma jagħmilx xi ħaġa? Basta ngħidu li hu twajjeb u ħanin. Donnu mhux veru li jista’ kollox, u għalih xejn mhu impossibbli. Jekk inhu veru messu jagħmel xi ħaġa!

 

NAGĦTU ĦARSA LURA FIŻ-ŻMIEN

L-iktar wieħed li interessa ruħu fuq din il-problema kien Santu Wistin, li bejn is-seklu 4 u 5 wara Kristu (WK) kiteb iktar minn elf paġna f’diversi kotba fuq din il-kwistjoni tal-ħażen fid-dinja. Din il-problema llum għadha toħloq ħafna problemi lil ħafna nies, tant li hemm min, billi ma jkunx sab tweġiba għal din il-mistoqsija, wara li jkun irċieva l-aħħar sagrament “ta’ bilfors” (il-Griżma tal-Isqof), jispiċċa jimmaġina lil Alla bħal dak l-imgħallem kiefer tax-xogħol li ħsiebu biex jikkmandak ħa taħdem u tbati biex tkun tajjeb, mingħajr lanqas jagħtik garanzija li sejjer tiggwadanja t-tajjeb. Għax fl-aħħar mill-aħħar tista’ ssib lil min ipattilek bil-ħażen għat-tajjeb li tkun stinkajt għalih int.

Fil-fatt fi żmien Santu Wistin kien hemm wieħed jismu Mani li kien waqqaf moviment kbir ta’ nies jgħidulhom “manikej” li kienu jemmnu li dak Alla tal-Antik Testment li ħalaq id-dinja u kulma jidher fiha, bina b’kollox, hu wieħed ħażin, mentri Alla t-Tajjeb skoprejnieh wara, permezz ta’ Ġesù fil-Ġdid Testment.

Santu Wistin ħadha kontrih bil-kbir u wrieh li l-ħażen tad-dinja mhux ġej minn xi alla ieħor li hu kattiv. Alla tal-Antik Testment u Alla ta’ Ġesù Kristu hu l-istess Alla li ħalaq “kollox tajjeb”(ara Ġen 1:31).  U l-ħażen mhux ġej minnu, imma jidher quddiemna jew fina xħin it-tajjeb jiġi nieqes. Fil-fatt kif nafu wkoll mix-xjenzi naturali li studjajna, id-dlam ma jeżistix fih innifsu, imma jidher xħin jonqos id-dawl. L-istess is-skiet, ma tisimgħux imma tinduna bih xħin jieqfu l-ħsejjes. U l-uġigħ ukoll, inħossuh xħin tonqos is-saħħa fiżika.

Imma mbagħad Santu Wistin qal li hemm tip ieħor ta’ ħażen li jinħass meta jonqos it-tajjeb: dak li jagħmlu l-bnedmin kontra xulxin. Għax barra li hemm il-ħażen fiżiku li jiġi minħabba t-tbatija tal-ġisem, hemm ukoll il-ħażen morali li jiġi mid-dnub, minħabba d-dgħufija tar-ruħ spiritwali. Hu jgħid li l-ewwel tip ta’ ħażen hu inevitabbli u milli jidher Alla jħallih jiġri bla ma jagħmel xejn, għax hu parti min-natura tagħna l-bnedmin, mentri l-ħażen l-ieħor li nikkawżaw aħna lil xulxin, jiddependi minna, għax hu ħalaqna liberi, u anke jekk jarana nagħmlu l-ħażin, ma jwaqqafniex biex ma jneħħilniex il-libertà.

Issa xħin nisimgħu xi ħaġa bħal din, għalkemm nieħdu gost nisimgħu li aħna liberi u li Alla ma jridx jindaħlilna, xorta nibqgħu nirrabjaw għalih meta ma jindaħalx bejnietna biex iwaqqaf ċertu ħażen, u ma nifhmux għaliex ma qabadx u ħalaq lil kulħadd tajjeb mill-ewwel. Kien aħjar forsi kieku ma ħalliena liberi xejn.

 

MINN FEJN BEDA KOLLOX?

Forsi biex nirrispondu aħjar għal din il-problema għandna bżonn inħarsu ftit lejn ir-rakkont tal-Ġenesi fuq il-ħolqien tal-ewwel bnedmin. Għax dan il-ktieb ma fihx rakkont tal-istorja tal-passat imma fih l-istorja ta’ kif nibet ċertu ħażen li narawh fina u madwarna llum. Għalhekk il-Ġenesi fih rakkont eżistenzjali (tat-tip aetiological) mibni b’mod leġġendarju biex jispjega r-realtà tal-preżent u tal-eżistenza ta’ ċertu ħażen tal-lum. Pereżempju: Għalfejn illum ir-raġel qed jaħkem fuq il-mara, u t-tnejn qed ibatu? Għax bħal Adam, u Eva, mhumiex kuntenti b’li huma, imma jridu jsiru daqs Alla. Jew: Għalfejn hawn il-ġlied bejn l-aħwa? Għax bħal Kajjin, xi ħadd dejjem iħossu vittma u jgħir għall-ġid ta’ ħuh Abel. 

Mela fl-ewwel kapitlu Alla joħloq lil Adam u lil Eva jixbhu lilu u jagħtihom kollox biex isaltnu fuq id-dinja u ra li kienu tajbin ħafna. Fit-tieni kapitlu,il-ħolqien ta’ Adam u Eva jerġa’ jiġi rrakkuntat b’mod differenti u jingħad li Alla jpoġġi lill-bniedem fi ġnien biex jaħdmu u jieħu ħsiebu. Seta’ jiekol mis-siġar kollha imma mhux mis-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, għax jekk jiekol minnha jmut. Jiġri imma li jitfaċċa s-serp li jpespes f’widnejn Eva s-suspett fuq Alla li qalilhom hekk mhux għax iridilhom il-ġid, imma għax ma jridhomx ikunu bħalu. Eva tipprova toqgħod tirraġuna biex tirbaħ dan id-dubju imma tiffissa fuq dik l-uniku siġra li ma setgħux imissuha, u tibda tixtieqha. Adam min-naħa l-oħra ma joqgħod jaħseb xejn u jaħtaf il-frotta biex ma jibqax b’xejn.

U DAN KOLLU F'ĦAJJITNA?

L-istess jiġri lilna meta niffissaw fuq dak li ma jistax ikollna fil-ħajja tagħna. Niddejqu li aħna kif aħna, u nibdew nixtiequ li jkollna kollox u nkunu bħal kulħadd. Ma naċċettawx li għandna xi limiti f’ħajjitna, u nibdew nissuspettaw li Alla mhux veru jridilna l-ġid, naħsbu li qed jaħbilna xi ħaġa, u ma jridniex inkunu nafu kollox, qisu jrid iżommna injoranti u ma jridniex inkunu bħalu.

Dan hu d-dnub, li ngħidu li nitwieldu bih, għax hu dak il-ħsieb ħażin li jidħol ħelu ħelu fl-għeruq tal-moħħ ta’ kull bniedem: il-konvinzjoni li hemm Alla, imma li dan ma jimpurtahx minnek, u lilek ma jħobbokx, ma jridekx tgħix sewwa, għax iġibek fid-dinja,iħallik tiekol mis-siġra tal-ħajja, imma mhux mis-siġra tal-għarfien kollu. U dan il-limitu li int ma tistax tkun taf kollox, jiffrustrak u jġagħlek teħodha kontra Alla, li jew temmen li hu kattiv, jew tispiċċa tgħid li ma jeżistix.

U meta taħseb ħażin f’Alla li tak il-ħajja, ikun bħal meta tissuspetta li l-ġenituri tiegħek mhux veru jħobbuk, għax forsi ġejt bi żball u mhux veru riduk. Tibda taħseb li int żejjed u li m’intix tajjeb biżżejjed. U dan il-ħsieb iġagħlek tbati ħafna u jwasslek biex tiżbalja kollox... dan hu l-għerq ta’ kull dnub. Dan hu d-dnub tan-nisel: meta taħseb li Alla lilek ma jħobbokx u tħoss li ma tistax tafdah; meta tħossok żbaljat u limitat u trid tara kif se tkampa u taħseb għal rasek; taħseb li ħadd ma jrid veru jgħinek u temmen li ma tista’ tafda lil ħadd, tara biss lilek innifsek u tiġi taqa’ u tqum minn kulħadd. U meta tispiċċa tgħix hekk, b’dan il-ħsieb ħażin fuq kollox u fuq kulħadd, ħajtek teqridha, minn barka ssir saħta (kif naqraw fil-Ġenesi kapitlu 3). Id-dnub joqtlok minn ġewwa, jeħodlok ħajtek!

U biex ninħelsu minnu, minn din il-gidba qerrieda tax-xitan, kellu jkun Ġesù l-Messija li jiġi u jgħidilna: “jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37).

U DIN IL-VERITA X'INHI?

Il-verita hi Alla lilek iħobbok, li mhux veru qed jgħaddik biż-żmien u jridek tibqa’ lura. Anzi: “Hu, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:6-8). Jiġifieri miet hu, biex ngħixu aħna. Iċċekken hu biex nikbru aħna. Minflok tana li ħaqqna ta li għamilna, ħafrilna u tana ħajtu. Aħna l-bnedmin meta ġie fostna ħsibna ħażin fih, ikkundannajnieh għall-mewt għax ħsibna li ġie biex isaltan fuqna u jaħkimna ta’ alla ħażin li hu. Imma Ġesù wriena bil-provi, li Alla ma jridx jieħu xi ħaġa mingħandna, imma jrid jagħtina kulma hu tiegħu. Anzi fih “seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: ‘Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna’.” (Mt 8:17). Għax:

Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu - bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu. (Ef 2:4-10)

Għalhekk hu bagħat lid-dixxipli tiegħu biex jgħammdu lil kulħadd (ara Mt 28:19) biex kulħadd ikollu l-konferma li Alla lilna jħobbna, jagħtina ħajja ġdida bħala wliedu u tana l-kapaċità li nagħmlu t-tajjeb bil-qawwa tal-ispirtu qaddis tiegħu. Hekk jinħafer fina dak id-dnub tan-nisel, b’mod li nistgħu ma nibqgħux nissuspettaw fih u nibżgħu minnu.

Tgħiduli, sewwa billi nemmnu li Alla jħobbna u nitolbuh fil-Missierna biex ma jdaħħalniex fit-tiġrib u jeħlisna minn kull deni; mhux xorta jista’ jiġrilna xi ħaġa kerha? Iva veru. Xorta nistgħu nġarrbu xi esperjenza kerha li qattma jirnexxilna nispjegaw għala tkun ġratilna. Darba, wieħed filosfu Franċiż Paul Ricoeur kien qal li: “Il-ħażen ma tistax tispjegah, imma tista’ biss tirrakkuntah”. U hekk kien għamel C.S. Lewis, l-awtur famuż ta’ Chronicles of Narnia, meta kiteb A Grief Observed. Hu kien bniedem anjostiku u wara li kkonverta, (forsi bis-saħħa J.R.R. Tolkien l-awtur ta’ The Lord of the Rings), spiċċa għadda minn esperjenza terribbli. Ftit wara li żżewweġ lill-mara tiegħu Joy Davidman fl-1952, hi timrad b’tumur fl-għadam u tmut f’temp ta’ ftit xhur. Lewis ma jiflaħx iżomm ġo fih l-uġigħ kollu, l-għeja u n-nostalġija kollha li kien iħoss għall-mara tiegħu, hekk li jiddeċiedi li jikteb kollox fi djarju li wara ppubblikah taħt isem ieħor.

Hemm kiteb:

Dejjem irnexxieli nitlob għall-mejtin l-oħra, u hekk għadni nagħmel s’issa, b’ċertu fiduċja. Imma meta nipprova nitlob għaliha nimblokka. Ninħasad u nitħawwad u nħossni qisu qed nagħmel xi ħaġa bla sens u nibża’ li nkun qed nitkellem fil-vojt fuq xi ħaġa li ma teżistix. […] Jgħidulek li issa hi, ‘qiegħda f’idejn Alla’. Imma hi mhux dejjem f’idejh kienet? Jien rajt xi ħsara għamlulha jdejh, meta kienet għadha hawn. Jew forsi, xħin aħna noħorġu minn dan il-ġisem, idejh isiru aktar ġentili magħna? U jekk inhu hekk, għaliex? Jaqaw it-tjubija t’Alla tinbidel skont l-uġigħ li jikkawżalna? Mela allura Alla, jew mhu twajjeb xejn, jew ma jeżistix: għax f’din l-uniku ħajja li aħna nafu, Hu qed iġagħalna nbatu iktar minn l-ikbar biżgħat li għandna u iktar milli nimmaġinaw.

Jidher li dan kliem iebes ħafna. Veru. Donnu li Lewis ma jiddejjaqx jgħid kollox quddiem Alla, bid-dubji u d-difetti kollha tiegħu. Fl-ewwel parti tal-ktieb, Lewis jagħmel ħafna mistoqsijiet bħal dawn, xorta jibqa’ li hu donnu jagħmilhom mhux biex jeħodha kontra Alla imma biex jiċċara l-verità. Qisu qed jikkumbatti miegħu bħalma kien Ġob fil-Bibbja, b’mod sinċier u umli bħal min ma jaħsibx li diġà jaf kollox. Lewis ma jfittixx lil Alla biex jaħrab mill-ħażen tad-dinja, imma biex ifittex l-għajnuna tiegħu. Fil-fatt wara jikteb:

Ilbieraħ billejl ktibt hekk. Kienet iktar għajta milli ħsieb. Imma ħa nerġa’ nipprova. Għandna raġun jew le, li nemmnu li Alla hu kattiv? Tgħid Alla jittrattana daqshekk ħażin? Naħseb li, dan il-ħsieb ġej għax qed nimmaġinaw lil Alla qisu kien bniedem bħalna, u iktar milli qed nimmaġinawh bħala sultan serju u xiħ bid-daqna twila […] qed inqabbluh mar-rejiet tal-leġġendi, mal-profeti, l-għorrief, is-sħaħar u l-maġi…

Dawk li jilagħbu l-Bridge għallmuni li jrid ikun hemm somma flus tajba fil-logħba, inkella n-nies mhux ħa jieħdu l-logħba bis-serjetà. L-istess, l-imħatra tiegħek – jekk Alla jeżistix jew le, jekk Alla hux twajjeb jew hux Sadista, jekk hemmx il-ħajja eterna jew m’hemm xejn – mhux ħa tkun serja jekk ma jkun hemm xejn fil-periklu. U qatt m’int se tiskopri kemm hi serja sakemm ir-riskju li titlef xi ħaġa importani jikber; sakemm tinduna li m’intix tilgħab għal xi żewġ soldi, imma għal kull sold li għandek f’butek. L-ebda ħsieb jew raġunar mhu ħa jriegħed tassew lil xi bniedem – jew għall-inqas lil xi ħadd bħali. Irid jasal jiġġennen biex jiġiveru f’sensih. It-tortura biss toħroġ il-verità. Hu biss taħt it-tortura li l-bniedem jiskopri l-verità.

Jien illum żgur li jien, issa f’sensija iktar milli kont qabel […] kulma għedt fuq Alla sadist ma kienx frott ħsibijiet ta’ mibegħda. Jien kont qed nieħu minnha dak is-sodisfazzjon li raġel iddisprat ikun irid; il-gost li jagħti daqqa lura. Kien biss abbuż; ‘li ngħid lil Alla dak li naħseb fuqu’. U ovvjament, bħal f’kull lingwaġġ abbużiv, ‘dak li kont qed naħseb’ ma kienx ifisser dak li naħseb li hu veru, imma biss dak li naħseb li jista’ joffendiH […] u naqla’ kollox minn ġo fija. U tħossok aħjar għal ftit ħin. Imma dak li tħoss ma jfisser xejn.  Ovvjament il-qattus jista’ jonfor u jobżoq għal dak li jieħdu f’idejh, u jigdmu wkoll jekk jista’. Imma l-mistoqsija vera hi jekk dak li ħadu f’idejh hux il-veterenarju, jew il-qattiel. Id-diskors ħażin kollu fuqu mhu ħa jitfa’ l-ebda dawl fuq x’inhu hu.

Hawn min jista’ jaħseb li l-kliem ta’ Lewis huma żejda u esaġerati, għax bħala nisrani ma kellux jitkellem hekk fuq Alla. Il-biċċa hi li kliemu jaqbel ħafna ma’ ċertu kliem li nsibu miktub fil-Bibbja. Araw x’jgħidu Ġob u Ġeremija:

Għalhekk m’iniex se nżomm fommi sieket, irrid niżvoga mid-diqa ta’ ruħi, ninfexx fit-tgemgim fl-imrar ta’ ħajti. Jaqaw jien il-baħar jew il-mostru tal-qiegħ, biex int tqiegħed għassa fuqi? (Ġob 7:11-12)

Jekk jiena dnibt, x’għamiltlek lilek, int li tgħarrex b’għajn miftuħa fuq il-bniedem? L-għala ħadtni b’mira tad-daqqiet tiegħek, l-għala jien ta’ piż għalik? (Ġob 7:20)

Għaliex għandi nibqa’ mnikket għal dejjem, u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt? Se ssir int għalija bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef? (Ġer 15:18)

U anke l-awtur tal-Ktieb tal-Koħelet, f’ħinminnhomb’rabjakbirajgħid: “Minn kollox rajt matul il-ħajja fiergħa tiegħi: mill-ġust li jmut minkejja tjubitu, sal-ħażin li jtawwal għomru minkejjaħżunitu” (Koħ 7:15).

X’taħsbu? Dan il-kliem tal-Bibbja ma tantx jidher differenti minn dak li kiteb Lewis. Anzi dan meta naqrawh fil-knisja ngħidu li hu “l-Kelma tal-Mulej”: id-dubju, l-għeja, ir-rabja quddiem Alla mhumiex xi ħaġa żbaljata jew barranija għall-ħajja tal-fidi, jew li mhix xierqa fil-mixja spiritwali ta’ kull wieħed u waħda minna. Li tirrabja ma’ Alla, milli jidher mhix xi ħaġa li tmur kontra t-tagħlim tiegħu fil-Kotba Mqaddsa. Wieħed filosofu Franco Nembrini darba kien laħaq qal li “hemm dagħa li hu talb, u talb li hu dagħa”.

GĦALFEJN JIĠRI L-ĦAŻEN?

Issa hemm min, biex taparsi jikkunslak quddiem xi diżgrazzja, jiġi jgħidlek li “xejn ma jiġri għalxejn”. Imma mhu veru xejn! Jew għall-inqasdin il-ħaġa mhi miktuba mkien fil-Bibbja, u la fil-katekiżmu tal-Knisja Kattolika u lanqas fit-tagħlim tal-Papiet. Skont it-tagħlim tal-fidi kif muri lilna fl-Iskrittura, Alla ma ħalaqx il-ħażen. Il-ħażen ma fihx sens jew skop. U hu proprju għalhekk illi l-ħażen għalina hu problema kbira. L-istess bħalma hi problema kbira, il-libertà tagħna. Tgħiduli x’għandha x’taqsam il-libertà mal-ħażen? Taħsibhom li m’għandhomx x’jaqsmu, imma fil-verità jidħlu ħafna f’xulxin, għax il-problema hi li ħafna nies fid-dinja jemmnu li ċertu affarijiet li jiġrulek ikunu “miktubin għalik” u jgħidulek li “minn hemm ikollok tgħaddi”: qisu kienet fid-DNA tiegħek li int tispiċċa tbati hekk u ħaddieħor le. Issa jien din il-ħaġa ma nemminhiex u ma nissaportihiex, għax mhux veru li l-affarijiet jiġrulek għax  hemm miktub ximkien li għandu jiġrilek hekk. Saħansitra fil-Medjuevu (f’dak iż-żmien fejn kulħadd jaħseb li kien hawn l-injoranza ddoqq) wieħed Papa kien laħaq qal li lanqas ix-xitan stess, ma hu ħażin għax kellu jkun hekk għalih, imma għax għażel hu li jkun hekk liberament (Innoċenz III, 1160-1216).

Min-naħa l-oħra hemm min jaħseb li l-ħażen veru ma jridux Alla imma jiġri dejjem minħabba xi ħaġa oħra. Jiġifieri jekk tiġrilek xi diżgrazzja bilfors li tkun għamilt xi ħaġa ħażina qabel: għax jgħidulek li “l-qanpiena ma ddoqqx għalxejn”: jew għax tkun għaffiġtha int qabel, jew għax ta’ miegħek ikunu għamlu xi ħaġa u int tlaqqatha minflokhom. Qisu biex tifhem għaliex tkun ġrat xi ħaġa ħażina trid issib ta’ min hu t-tort jew min hu l-ħati. Fil-Vanġelu naqraw li darba Ġesù wkoll kellu jwieġeb għal din il-problema. Araw kif wieġeb:

Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħrata’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda (Lq 13:1-5).

Interessanti li Ġesù jwieġeb illi l-ħażen iġib it-telfien, imma dan it-telf tista’ teħles minnu jekk inti quddiem il-ħażen tikkonverti. X’jiġifieri? Li “tikkonverti” fil-veru sens letterali tagħha, ma jfissirx li “tieqaf tagħmel il-ħażin” imma li int “iddur lejn Alla”. Allura dan ifisser li jekk int quddiem il-ħażen li tkun qed iġġarrab, iddur lejn Alla u tfittex risposta mingħandu, int ma tintilifx. Jekk tfittex lil Alla fit-tiġrib, int ma ġġarrab l-ebda telf, ħsara jew deni, imma rebħ, ġid u ħajja. Ġużeppi tal-Antik Testment wara dak kollu li sofra minħabbaħutu li bigħuhlill-Eġizzjani, fl-aħħar meta huma spiċċaw marru għandu għall-għajnuna jgħid: “Jekk intom ġibtuli fuqi d-deni, Alla bidlu fil-ġid, biex iżomm ħajja kotra ta’ ġnus” (Ġen 50:20).

Hekk jaħdem Alla, id-deni jbiddlu f’ġid u San Pawl ukoll kien kiteb lir-Rumani u mill-esperjenza tiegħu stess qalilhom: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id magħhom, għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). U meta jgħid “f’kollox” jiġifieri “kollox”, anki dawk l-esperjenzi ħżiena, koroh u ta’ tbatija: jekk aħna fihom induru lejn Alla u nitolbuh id-dawl u l-għajnuna, hu jaħdem id f’id magħna biex idawwar dak il-ħażen li jkun ġara f’okkażjoni kbira ta’ ġid l-ewwel għalina stess, imbagħad anki għal ħaddieħor.

U ngħidilkom il-verità, din il-ħaġa lili sserraħli qalbi, għax “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Fl-aħħar mill-aħħar f’dak kollu li jiġrilna, sew jekk ikun ħtija tagħna u sew jekk le u nibqgħu ma nifhmux għalfejn ikun ġara li ġara u ma jirnexxilna nagħmlu xejn biex naħarbu jew nirranġaw dik is-sitwazzjoni, aħna xorta waħda nibqgħu liberi u jibqgħalna dejjem iċ-ċans li ninħelsu minn dak il-ħażen jekk infittxu nduru lejn Alla, illi hu fit-tjubija kbira tiegħu jidħol għalina u jaħdem magħna biex dak li nkunu għaddejna minnu, iservina bħala okkażjoni ta’ għajnuna lejn ħaddieħor, u minflok nitkissru, nikbru. U f’dan is-sens, bil-kontra ta’ dak li għedt qabel, ngħid li veru li “xejn ma jiġri għalxejn”. U dan jien nemmnu għax nemmen f’Alla setgħan u qawwi li jista’ joħroġ għalija l-ġid minn kull sitwazzjoni, tkun kemm tkun iddisprata.

Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina. Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub:

“Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”

Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna. (Rum 8:31-39)

Share to